ĦAJJA SEMPLIĊI
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li n-nies iħobbu l-ġid u l-affarijiet materjalistiċi ta’ din id-dinja, imma l-aħjar ħaġa hi li tfittex il-pjaċir ta’ Alla (3:15). F’dan hemm tagħlim importanti ħafna li jwassal għal ħajja sempliċi. Alla jgħid li n-nies tad-dinja jixtiequ affarijiet tad-dinja imma dawk li verament iħobbu lil Alla jgħixu ħajja umli, moderata u sempliċi.
L-Iżlam jgħallimna li hija r-responsabbiltà tagħna li nadottaw is-sempliċità f’ħajjitna. Jekk nagħmlu dan, inkunu nistgħu nsibu ħin biex naqdu l-fidi tagħna, u nagħmlu sagrifiċċji finanzjarji, u ngħinu lil dawk fil-bżonn. Tippermettilna wkoll li nqattgħu ħin biex inqimu lil Alla minflok, minflok niġru kompletament wara l-affarijiet tad-dinja. Fil-qosor, l-Iżlam jippromwovi stil ta’ ħajja sempliċi. Huwa jipprojbixxi t-tberbiq iżda jħeġġeġ l-infiq:
Iżżommx idek marbuta m’għonqok, jew testendiha kemm tista’, għaliex tista’ tispiċċa akkużat jew mifluġ. (Il-Koran, 17:30)
Agħtu lill-qraba dak li ħaqqhom, u lill-foqra u lill-vjaġġaturi, u tberbaqx ġidek b’mod stravaganti. Tassew, il-berbieqa huma l-aħwa ta’ Satana, u Satana mhuwiex grat lejn il-Mulej tiegħu. (Il-Koran, 17:27-28)
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, għex ħajja umli u sempliċi, u ma kienx jiddejjaq jimxi mal-armla u l-fqir. Huwa kien dejjem ta’ għajnuna għalihom it-tnejn. Huwa kien jagħmel xogħlijiet tad-dar, isewwi ż-żraben, iraqqa’ l-ilbies, jaħleb in-nagħaġ, jiekol flimkien mal-qaddej u jitħan (id-dqiq) miegħu meta dan jegħja. Huwa ma kienx jistħi jġorr ix-xirja mis-suq sa għand niesu. Huwa kien jieħu b’idejn l-għani u l-fqir, u kien ikun minn tal-ewwel li jsellem. Huwa kien umli, iżda ma kienx jintrema; kien ġeneruż, iżda mingħajr ħela. Kellu qalbu tajba u kien ħanin ma’ kulħadd.