Teachers Deserve Respect

L-Għalliema Jistħoqqilhom ir-Rispett

“Il-post ta’ għalliem huwa ugwali għal ta’ missier spiritwali.” “Jekk persuna tgħallimni kelma waħda biss, dan ikun għamilni l-qaddej tiegħu għal għomru.”

LAIQ AHMED ATIF | amjmalta@gmail.com | IT-TORĊA | 31/10/2021

Għaliex għandna nirrispettaw lill-għalliema tagħna? Nistgħu nimmaġinaw li r-risposta tkun li għandna nirrispettaw lil kulħadd, jew li huma ikbar minna. Filwaqt li dawn iż-żewġ affarijiet huma veri, hemm iktar minn dan. Għal uħud, l-għalliema huma lesti li jaqsmu l-għarfien tagħhom magħna. L-Iżlam jgħidilna biex nespandu l-għerf tagħna u nfittxu l-għarfien, imma dan ma jkunx possibbli mingħajr għalliema.

L-għalliema jissagrifikaw il-ħin u l-ġurnata tagħhom biex jiżguraw li nifhmu l-lezzjoni u nsiru aktar intelliġenti. Jekk iridu, l-għalliema jistgħu sempliċement jagħtuna l-lezzjoni u jħalluna hemmhekk, imma jħallu lilna nagħmlu l-mistoqsijiet u niftħu l-bibien tal-kurżità li ma jimpurtax kemm idumu miftuħin.

L-għalliema jistgħu jiffurmaw ħbiberiji mal-istudenti wkoll. Li tifforma ħbiberija u tirrispetta lill-għalliema tiegħek jista’ jagħmel il-ħin fil-klassi ferm aktar pjaċevoli. Xi drabi l-istudenti jsibu xi suġġett boring, imma meta jsiru jafu aktar u aktar dwar l-għalliema tagħhom u jħossu d-dedikazzjoni tal-għalliema u l-imħabba tagħhom favur l-edukazzjoni, f’daqqa waħda jsir is-suġġett favorit tagħhom.

It-tagħlim hu professjoni rispettati

Fil-qosor, l-għalliema jistħoqqilhom rispett għal dak li jagħtuna, allura l-inqas li nistgħu nagħmlu hu li ngħollu jdejna u nagħtu attenzjoni, u nagħmlu ħilitna kollha biex niksbu edukazzjoni mill-aqwa. Għax it-tagħlim huwa waħda mill-aktar professjonijiet rispettati u siewja fid-dinja. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Alla jgħolli fi gradi (ta’ ġieħ) lil dawk minnkom li jemmnu, u lil dawk li ngħataw l-għarfien.” (58:12)

F’dan il-vers Alla jgħid li dawk li jingħatalhom l-għarfien ikunu elevati għal pożizzjonijiet għolja. It-tagħlim huwa prezzjuż u dawk li jgħallmu lill-oħrajn huma nies ta’ stima u rispett kbir. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem fuqu, kien qal: “Il-post ta’ għalliem huwa ugwali għal ta’ missier spiritwali.”

Ir-rwol tal-ġenituri u tal-għalliema

Ir-rwol tal-ġenituri u tal-għalliema huwa essenzjali ħafna għall-iżvilupp morali, spiritwali, fiżiku u edukattiv tat-tfal, u għalhekk għandna nuru obbidjenza u rispett kbir lejhom. Il-ġenituri jipprovdu l-ikel għall-ġisem tat-tfal, u l-għalliema jipprovdu l-ikel għall-moħħ u għar-ruħ. L-għalliema jipprovdu l-edukazzjoni, l-għarfien u l-għerf, u jdawluhom bil-fehim, u joħorġuhom mid-dlam tal-injoranza, u jgħallmuhom it-tajjeb u l-ħażin.

Għalhekk, huwa importanti ħafna li nifhmu li l-għalliema tagħna ħaqqhom kull tifħir, inkoraġġiment u rispett. Huma l-għalliema li jedukaw lil uliedna u jwassluhom biex bil-mod il-mod, jaslu għall-aspirazzjonijiet tagħhom. Allura huwa obbligu tal-ġenituri li jgħallmu lit-tfal tagħhom il-valuri tar-rispett, dinjità u gratitudni. Huwa importanti li aħna bħala ġenituri ngħallmu lit-tfal tagħna li l-għalliema jissagrifikaw ħafna għall-istudenti sabiex huma jsiru bnedmin aħjar meta jikbru, sabiex ikollhom futur sod u b’saħħtu.

Is-sagrifiċċju tal-għalliema

Niftakar li hemm xi għalliema jiġu minn distanzi twal, xi wħud saħansitra jiġu minn Għawdex biex jgħallmu fi skejjel differenti. Kelli l-opportunità li nitkellem ma’ wħud mill-għalliema u qaluli li fix-xitwa b’mod partikolari, meta jitilqu minn djarhom ikun għadu mudlam, u meta jerġgħu lura lejn djarhom filgħaxija jkun diġà dlam. Allura litteralment iqattgħu ġurnata sħiħa barra. Bla dubju, dan huwa sagrifiċċju kbir ħafna. Dedikazzjoni bħal din għandha tkun onorata u rikonoxxuta.

Id-drittijiet lill-għalliema

Minħabba r-rwol importanti tal-għalliema, l-Iżlam ta pożizzjoni għolja ħafna u drittijiet lill-għalliema, u huma meqjusa bħala nies rispettati sew fis-soċjetà.

Nistgħu nifhmu l-istima għolja li għandhom l-għalliema minn kwotazzjoni ta’ Ħażrat Ali, ir-raba’ Kalif wara l-Qaddis Profeta Muħammad, fejn stqarr: Jekk persuna tgħallimni kelma waħda biss, dan ikun għamilni l-qaddej tiegħu għal għomru.”

Jiġifieri anke jekk nitgħallmu kelma waħda minn xi ħadd, xi ħaġa tajba minn xi ħadd, dan l-att waħdieni ta’ tjubija u għarfien jistħoqqlu r-rispett, aħseb u ara kemm huwa importanti li nuru rispett lejn l-għalliema tagħna li jgħallmuna mill-kindergarten għall-edukazzjoni ogħla.

Bla dubju ta’ xejn, dan huwa attribut kbir għall-għalliema. Ejja nuru rispett kbir u nkunu obbidjenti lejn l-għalliema tagħna. Nazzjon li jifhem l-importanza tat-tagħlim, u japprezza u jirrispetta l-ġenituri u l-għalliema tiegħu dejjem ikollu suċċess u jistagħna.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in www.ahmadija.org.mt. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.