Halloween – Fear or Fun?

HALLOWEEN – BIŻA’ JEW PJAĊIR?

Imam Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | Il-Leħen 31 ta’ Ottubru 2021

Fil-31 ta’ Ottubru tfal u żgħażagħ joħorġu b’kostumi ta’ sħaħar, vampiri, fatati u skeletri jħabbtu l-bibien madwar id-dinja biex jiċċelebraw il-Halloween. Lejl superstizzjuż, iffissat fuq kostumi straordinarji u bosta xbihat tal-mewt li jiċċelebraw jum tal-mejtin u kollox f’isem ‘il-gost u d-divertiment’.

Imma l-mistoqsija hija li, il-Halloween huwa biża’ jew pjaċir? Naħseb li din it-tradizzjoni għandha iktar biża’ minn pjaċir. Alla ħalaq il-bniedem bħala l-aqwa ħolqien, imma, f’din it-tradizzjoni l-bniedem jieħu sura tal-annimali jew xjaten. Xi drabi dan jirriżulta f’kostumi aktar estremi. Il-kostumi tal-Halloween għat-tfal żgħar ikunu ta’ buffi qattiela armati bi skieken imxarrba bid-demm. Naraw ukoll il-kostumi tal-biża’ u tal-waħx, naraw affarijiet li jbeżżgħu n-nies.

Hemm nies li jargumentaw li dawn huma kostumi biss u bl-ebda mod ma jagħmlu ħsara lil xi ħadd, u lanqas lit-tfal u liż-żgħażagħ li jilbsu dawn il-kostumi. Personalment, jien ma naqbilx ma’ dan l-argument u naħseb li kull ħaġa li l-bniedem jagħmel għandha impatt fuqu; ix-xogħol, il-karriera, l-edukazzjoni, l-ikel, l-ilbies, ħbieb, nies ta’ madwar u anke dak li jara u jaqra, kollox jaffettwa lill-bniedem.

Eżempji pożittivi lit-tfal

Ġeneralment, adulti u ġenituri jippruvaw jippreżentaw mudelli tajbin u eżempji pożittivi lit-tfal, li huwa vitali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Madankollu, kostumi bħal dawn li jissimbolizzaw il-vjolenza, it-tixrid tad-demm u l-mewt, idgħajfu dan u għandhom impatt negattiv ħafna u ta’ ħsara fuq tfal żgħar. Irrispettivament mill-fatt li huma biss kostumi li jintlibsu għall-pjaċir, huma marbuta mal-orrur u l-vjolenza, li b’mod serju għandu impatt negattiv fuq kulħadd.

Ħela ta’ ħin, flus u riżorsi

Naħseb li l-Halloween hija tradizzjoni ta’ ħela ta’ ħin, flus u riżorsi. Kull sena jintefqu miljuni biex jixtru kostumi bħal dawn u affarijiet oħra relatati ma’ din id-drawwa. Anke l-iskejjel jiċċelebraw ġurnata tal-Halloween u t-tfal jingħataw l-opportunità u xi drabi jkunu mħeġġa li jilbsu kostumi tal-Halloween, imma jevitaw affarijiet ta’ periklu, bħal xwabel jew pistoli.

Insibu wkoll li xi drabi jintefa’ bajd barra l-bibien li joħloq riħa tinten ħafna u inkonvenjenza estrema għar-residenti. Il-mistoqsija hi: Għaliex dan kollu jsir, u x’inhu l-benefiċċju? Dan huwa divertenti? Pjaċir b’liema prezz?

Naħseb li kull ħaġa li toħloq problemi għal ħaddieħor u tagħmel il-ħajja tal-oħrajn inkonvenjenti qatt ma tista’ tissejjaħ gost jew pjaċir. Il-gost għall-ispiża tal-ħolqien ta’ problemi għal ħaddieħor qatt ma jista’ jissejjaħ gost. Allura huwa importanti li ma noħolqux problemi għall-ġirien, li nkunu konxji tal-ħtiġijiet tal-ġirien tagħna u li nuru ħniena u mogħdrija mal-umanità kollha.

Ħobb lil għajrek

Għandna nħarsu d-drittijiet tal-ġirien tagħna, kemm ta’ dawk li magħhom għandna ħbiberiji personali u kemm ta’ dawk li m’għandniex. L-issodisfar tad-drittijiet tal-ġirien ifisser li aħna rridu nittrattaw lill-ġirien tagħna bi grazzja u kompassjoni u nkunu dejjem lesti biex ngħinuhom fil-waqt tal-ħtieġa u li nkunu ta’ spalla għalihom biex iwennsuhom fi żminijiet ta’ diqa. Ifisser ukoll li rridu nirrispettawhom u nqisuhom bl-akbar stima.

Ġesù qal: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, stqarr li l-ġirien mhumiex biss dawk li jgħixu fil-viċinanzi immedjati, iżda jinkludu mill-anqas l-eqreb erbgħin dar. Aktar minn hekk, il-Koran jgħallem li l-ġirien jinkludu sħabi tal-iskola, il-kollegi ta’ fuq ix-xogħol u dawk li jivvjaġġaw magħna.

Nużaw riżorsi b’mod għaqli

Barra minn hekk, dawn il-flejjes kbar li nonfqu fuq dawn l-affarijiet tal-Halloween, nistgħu nużawhom b’mod għaqli biex ngħinu lil ħutna li huma fil-bżonn. Aħna xorta nistgħu nieħdu pjaċir, kuntentizza u sodisfazzjon tal-qalb imma permezz ta’ ġesti nobbli billi nkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor, inkunu spalla effettiva għal ħaddieħor u nkunu ġentili u simpatiċi.

Il-mod ta’ pjaċir permezz tal-Halloween li xi żmien jispiċċa wkoll f’xejn jew f’periklu, jispiċċa f’ġurnata jew tnejn, madankollu, is-sodisfazzjon u l-kuntentizza miksuba permezz tal-għajnuna lil ħaddieħor jibqgħu għal dejjem. Ġesti ta’ qalb bħal dawn jistgħu jbiddlu l-ħajja tal-bnedmin u jipprovdulhom ħin u opportunitajiet għal riflessjoni u trasformazzjoni.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.