Avoid jealousy and hatred

L-GĦIRA U L-MIBEGĦDA

Imam Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | Il-Leħen 13.02.2022

Fost il-morali għolja hemm li wieħed ikun dejjem onest, dejjem jitkellem il-verità, u li jevita l-għira u r-regħba. L-għira taħraq lill-persuna internament u twassal ukoll biex issir ħsara lil ħaddieħor. Ma jaqbel xejn għal min jemmen li jkollu l-għira u r-regħba ġo qalbu. Il-bniedem għandu jwarrab l-għira u r-regħba għalkollox u wkoll jitlob biex jiġi evitat minnhom.

L-għira tiekol l-għemejjel tajba

Fis-soċjetajiet tagħna xi drabi niltaqgħu ma’ xi nies li juru ħbiberija minn barra imma jippruvaw jagħmlulna l-ħsara bil-moħbi. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, ipprovda gwida f’din il-kwistjoni u qal, “Oqogħdu attenti mill-għira, għax din tiekol l-għemejjel tajba, bħalma n-nar iġib fix-xejn l-injam u l-ħaxix. La tgħirux għal xulxin! La tgħollux il-prezzijiet! La tobogħdux lil xulxin! Tagħtux daharkom lil xulxin! Tagħmlux l-offerta tagħkom waqt li żewġ naħat għaddejjin jinnegozjaw! Kunu tabilħaqq qaddejja ta’ Alla, billi tkunu tabilħaqq aħwa.“

Darba qal li tliet affarijiet huma l-għeruq tad-dnubiet kollha. Allura oqogħdu attenti minn dawn it-tlieta. Oqogħdu attenti mill-arroganza għax kienet l-arroganza li qanqlet lil Iblis li rrifjuta li jobdi lil Adam (sliem fuqu). U attenti mir-regħba għax kienet ir-regħba li ġiegħlet lil Adam jiekol il-frott tas-siġra projbita. U oqogħdu attenti mill-għira għax l-għira pperswadiet lil wieħed miż-żewġ ulied ta’ Adam biex joqtol lil ħuh.

Warrbu l-għira u l-mibegħda

Barra minn hekk, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya jispjega wkoll dan is-suġġett u jgħid li l-aktar aspett diffiċli u komplikat tal-fidi huwa dak tat-tħaris tal-jeddijiet tal-umanità għaliex din hija sfida kontinwa u persuna taffaċċja din il-prova l-ħin kollu. Ngħid fis-sewwa biex ma tqisu lil ħadd bħala l-għadu personali tagħkom u warrbu għalkollox l-użanza li jkollkom l-għira u l-mibegħda lejn ħaddieħor.

Ħafna drabi l-bniedem ma jafx jekk għandux għira ġo qalbu għal ħaddieħor jew le, għax il-kawża ewlenija ta’ kull tip ta’ insolenza hija l-injoranza. Allura huwa importanti li nedukaw lilna nfusna biżżejjed u nkunu ċerti sabiex nafu li dak li ngħidu u nagħmlu huwa tajjeb u mhux ħażin.

Iċ-ċertezza

Għax mingħajr ċertezza ma nistgħux nifhmu b’mod sħiħ, pereżempju, jekk xi ħadd isir jaf li hemm serp f’toqba, jew li d-dar tiegħu hija mdawra bin-nar u baqa’ biss fetħa żgħira, mela dik il-persuna żgur li mhux se tibqa’ hemm. Kif imbagħad tippretendi li taf biċ-ċert li l-għira u r-regħba huma ħżiena u li se tiġi kkastigat minn Alla u fl-istess ħin tibqa’ fl-istat terribbli tiegħek?

Għalhekk għandna nkunu mudell eċċellenti ta’ mħabba reċiproka u armonija. Naħseb il-bniedem ma jistax jikseb il-prosperità u l-hena spiritwali mingħajr il-purifikazzjoni personali fil-ħsieb, fil-kelma u fl-għemil.

Oqogħdu dejjem għassa

Huwa minnu li ħadd mhu perfett imma wieħed għandu jistinka u joqgħod dejjem għassa biex iżomm l-imġiba u l-attitudni tiegħu tajba lejn kulħadd. Wieħed għandu jeqred kull sentiment ta’ riżentiment, malizzja, għira, kburija, vendetta, għira, regħba, inġustizzja, disprezz u kull tip ta’ ħażen lejn ħaddieħor.

Min-naħa l-oħra, wieħed għandu jikkultiva sentimenti ta’ mħabba, qalb tajba, simpatija, tolleranza, umiltà, paċenzja, karità, ġustizzja, kortesija, għajnuna, fehim u virtujiet u valuri morali sodi.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.