“Meta tħaddnu morali tajbin tkunu qiskom qed twettqu miraklu. Hemm ħafna tipi ta’ mirakli. Fost dawn it-tipi differenti, hemm wieħed magħruf bħala l-miraklu tal-morali, u dan isaltan bi glorja fl-oqsma kollha.”
LAIQ AHMED ATIF | it-Torca 27.03.2022 | amjmalta@gmail.com
L-imħabba hija l-antidotu ta’ kull tip ta’ ħażen, malizzja u diskors ta’ mibegħda. L-imħabba tant hija arma b’saħħitha li għandha l-komponenti essenzjali kollha biex tibni l-pontijiet bejn il-popli, tfassal it-triq għall-bini ta’ soċjetà rispettuża u armonjuża, tbiddel il-qrusa fi ħlewwa u tittrasforma l-għedewwa fi ħbieb tal-qalb u leali.
Flimkien kontra l-mibegħda
Fid-diskors tiegħu tal-Ewwel tas-Sena, il-Prim Ministru tħaddet dwar il-problema tad-diskors ta’ mibegħda u qal li, “La f’qalbna, la f’dak li niktbu jew fl-għemil tagħna m’għandu jkun hemm post għall-mibgħeda. Bid-diskors tagħna rridu li ngħaqqdu l-pajjiż, mhux nifirduh. Bit-tgħajjir jitlef kulħadd. Bl-ideat nibnu pajjiż isbaħ u aħjar.”
Jiena naħseb li dan huwa messaġġ b’saħħtu ħafna u f’waqtu u hu denju ta’ riflessjonijiet profondi kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell nazzjonali, fi sferi reliġjużi u ċrieki politiċi, f’oqsma ordinarji u fil-kurituri tal-poter.
Ġlieda kontra l-mibegħda
Sforzi kollettivi u kostruttivi huma mezzi ġenwini għall-ġlieda kontra din il-mibegħda tant mifruxa, u kulħadd għandu jersaq ’il quddiem biex jeżerċita r-rwol pożittiv tiegħu fit-taqbida kontra din il-kattiverija.
Xi wħud jistgħu jargumentaw li fid-dinja teknoloġika tal-midja soċjali fejn hemm viżibilju ta’ kummenti u rimarki dispreġjattivi fuq l-internet, x’differenza jagħmlu ftit kliem ta’ mħabba u mogħdrija?
Ma nitilfux it-tama
Jiena nemmen sinċerament fil-pożittività u l-ottimiżmu għaliex il-kmandament ta’ Alla jgħid “tiddisprawx mill-ħniena ta’ Alla; il-għaliex ħadd ma jaqta’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla ħlief dawk li ma jemmnux”. Għaldaqstant, qatt m’għandna naqtgħu qalbna u qatt m’għandna nitilfu t-tamiet tagħna.
Kull kelma tgħodd
Kull kelma pożittiva f’dan l-oċean ta’ negattività tgħodd; kull kelma għall-ġid tħalli impatt; il-kontribut ta’ kulħadd huwa importanti, għaliex, “tassew, Alla mhux se jħalli l-premju ta’ dawk li jwettqu l-ġid li jintilef”.
L-Iżlam jurina li jekk persuna twarrab xewka mill-mogħdija, din tirċievi premju spiritwali għal dan ukoll. Jekk waqt li qed iġġib l-ilma, persuna timla l-kontenitur ta’ ħuha, Alla Omnipotenti mhux se jħalliha tgħaddi mingħajr ma jippremjaha. Jiena ċertissimu li l-mogħdija fejn il-bniedem qatt ma jista’ jfalli hija l-mogħdija ta’ Alla, hija l-mogħdija tat-tieba, tal-kompassjoni, tal-ġenerożità u l-mogħdija tat-tħabrik f’kull kawża nobbli li twassal għal bidliet importanti fil-ħajja tal-umanità.
L-imħabba tnissel l-imħabba
M’għandna qatt ninsew li, “l-imħabba tnissel l-imħabba”. Għalhekk, nissuġġerixxi umilment li n-nies ta’ rieda tajba jżidu l-ammont tal-isforzi pożittivi tagħhom kontra din it-tempesta ta’ mibegħda u ħażen, ħalli fl-aħħar il-pożittività tirbaħ fuq in-negattività, l-imħabba fuq il-malizzja, il-kelma t-tajba fuq id-diskors kattiv u fuq kollox il-qawwiet divini fuq il-forzi tal-ħażen.
Għaldaqstant, huwa tabilħaqq dan il-mument fejn għandna nuru valuri morali għoljin, pjuttost “il-Miraklu tal-Morali” kif jistqarr il-Fundatur Qaddis tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana. Huwa jgħid:
Il-Miraklu tal-Morali
“Jiena ngħidilkom li meta tħaddnu morali tajbin tkunu qiskom qed twettqu miraklu. Jekk xi ħadd minnkom jistqarr li mhix ix-xewqa tagħkom li tagħmlu l-mirakli, mela kunu afu li x-Xitan ikun daħak bikom. Bil-manifestazzjoni tal-mirakli, m’iniex qed nirreferi għall-kburija u l-vanità. Niddikjara għal darba oħra li l-kburija u l-vanità ma jagħmlux parti mill-miraklu tal-morali li qed nirreferi għalih. Hemm ħafna tipi ta’ mirakli. Fost dawn it-tipi differenti, hemm wieħed magħruf bħala l-miraklu tal-morali, u dan isaltan bi glorja fl-oqsma kollha.”
Jiena ninsab persważ li biex neqirdu l-velenu tal-mibegħda jew tad-diskors ta’ mibegħda rridu nagħmlu ħilitna kollha biex nuru l-mirakli tal-morali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Irridu nsiru moralment sostanzjali, b’saħħitna, konvinċenti, sodi, u onesti.