IT-TRIQ ETERNA TAL-PAĊI U L-PROSPERITÀ
“Jekk tħobb l-Artist, mela tħobb l-arti Tiegħu. U jekk tħobb lill-Ħallieq, mela tħobb il-kreazzjoni Tiegħu.” Hemm mogħdija waħda li tista’ twassalna għas-salvazzjoni u teħlisna minn din id-dinja ta’ gwerra u konflitti u dik hi l-mogħdija ta’ Alla Omnipotenti.
Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | It-Torċa 22.05.2022
Meta nanalizzaw l-istat attwali tad-dinja, insibu inċertezza, taqlib, kaos, nuqqas ta’ tama, nuqqas ta’ paċi, nuqqas ta’ direzzjoni, u tellieqa li ma tintemmx għal għan u skop li mhumiex identifikati. Aħna, il-bnedmin, ma nafux jew m’aħniex ċerti jew konvinti bis-sħiħ dwar l-għan tal-ħolqien tal-bnedmin jew dwar l-iskop tal-vjaġġ tagħna, li tant sar mgħaġġel li lanqas biss għandna ftit mumenti fejn noqogħdu bilqiegħda u naħsbu dwar l-iskop tal-eżistenza tagħna. Naħseb, irridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza u nistaqsu lilna nfusna l-għaliex u ’l fejn sejrin. Aħna tassew konvinti dwar dak li qed nagħmlu? Dawn l-isforzi qed isiru produttivi?
Mument kritiku fl-istorja
Ninsabu f’mument kritiku fl-istorja fejn it-tifqigħa ta’ gwerra dinjija qed issir aktar u aktar probabbli. Mill-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, għall-Korea ta’ Fuq, mill-Iran lejn il-Lvant Nofsani, mir-Russja sal-Ukrajna, jiġifieri lejn l-għatba tal-bibien Ewropej tagħna – inċidenti żgħar setgħu kkawżaw gwerra daqsiex. L-immigrazzjoni tal-massa ħolqot inkwiet li qed jifni lis-soċjetajiet tal-Punent, li qed tmur għall-agħar mindu bdiet il-gwerra fl-Ukrajna. In-numru tal-immigrazzjoni tal-massa qed jiżdied kuljum u qed jiżdied b’veloċità kbira u b’rata bla preċedent.
Fuq livell internazzjonali l-moda l-ġdida hija li jkollok gruppi ta’ pajjiżi li jiġġieldu bejniethom minħabba l-ekonomija u l-kummerċ. Min-naħa l-oħra, l-inflazzjoni u partikolarment il-prezzijiet tal-ikel u affarijiet ta’ bżonnijiet bażiċi qed jiżdiedu wkoll kważi kuljum, li jwasslu għal kriżi oħra ta’ ġuħ u faqar.
Iż-żieda tal-armi nukleari
Fuq naħa l-oħra, b’mod aktar inkwetanti, kwistjoni oħra li personalment inħoss li hija allarmanti ħafna hija ż-żieda tal-armi nukleari. Il-fatt li ħafna pajjiżi għandhom l-armi nukleari jfisser li gwerra dinjija żgur ikollha konsegwenzi inkonċepibbli.
Sfortunatament, huwa diffiċli biex issib imqar rokna fid-dinja li tista’ titqies bħala sigura u ħielsa min-nuqqas ta’ qbil u konflitti.
Għalhekk, huwa importantissimu li nfasslu pjan ċar għall-paċi dejjiema u billi nipprovdu analiżi dettaljata ġeopolitika tal-kriżi dinjija; u naħdmu id f’id u nsibu soluzzjonijiet kif nistgħu niksbu l-paċi fil-qagħda tal-affarijiet kurrenti fid-dinja.
Il-ħtija ta’ min?
Hemm min jitfa’ t-tort fuq ir-reliġjon għal dan l-inkwiet u għan-nuqqas ta’ paċi, serenità u trankwillità. Minn żmien għal żmien nisimgħu vuċijiet li kieku ma kienx hemm reliġjon, id-dinja kienet tkun post ħafna aħjar u paċifika. Dan huwa l-każ?
Assolutament le. Il-ħtija tan-nuqqas ta’ paċi u sigurtà fid-dinja ma tistax tintefa’ fuq xi reliġjon partikolari, la l-Iżlam u lanqas twemmin ieħor; x’aktarx li hemm għadd ta’ kwistjonijiet ekonomiċi, ġeopolitiċi, soċjali, u l-politika egoistika li kollha qed jikkontribwixxu biex ma tiġix stabbilita l-paċi dejjiema fid-dinja.
It-triq għall-paċi dejjiema
F’dan l-isfond, il-Qdusija Tiegħu, Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej Dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, b’mod ġenwin ħafna juri t-triq importanti ta’ kif wieħed jista’ jikseb il-paċi fil-qagħda tal-affarijiet kurrenti fid-dinja, u jgħid li:
F’dan il-waqt kritiku fl-istorja, jiena nemmen b’qalbi kollha li hemm biss ħaġa waħda li tista’ ġġib fi tmiem l-isfidi kbar ta’ żmienna. Hemm mogħdija waħda li tista’ twassalna għas-salvazzjoni u teħlisna minn din id-dinja ta’ gwerra u konflitti u dik hi l-mogħdija ta’ Alla Omnipotenti.
Il-paċi ma tinstabx fis-setgħa jew l-għana, iżda pjuttost il-paċi tinsab fil-benniena ta’ Alla Omnipotenti.
Għaldaqstant, huwa l-ħtieġa tal-mument li l-umanità għandha tagħraf lill-Ħallieq tagħha. Alla Omnipotenti jixtieq li l-umanità, li Hu ħalaq bħala l-aqwa kreazzjoni tiegħu, għandha tgħix fil-paċi u tissodisfa d-drittijiet ta’ wieħed lill-ieħor.
Jekk tħobb lill-Artist
Nemmen u nemmen bis-sħiħ li mhux possibbli li wieħed verament iħobb lil Alla, mingħajr ma jħobb u jaqdi d-drittijiet tal-kreazzjoni Tiegħu. L-imħabba ta’ Alla hija marbuta mal-imħabba tal-umanità, u bl-istess mod, l-imħabba tal-umanità hija marbuta mal-imħabba ta’ Alla l-Ħanin.
Jien dejjem inħobb u ngħożż dan il-kliem li huwa prinċipju luminuż u brillanti ħafna biex id-dinja tagħna ssir dinja aħjar, prospera u paċifika, jiġifieri: “Jekk tħobb lill-Artist, allura trid tħobb ukoll l-arti Tiegħu. U jekk tħobb lill-Ħallieq, allura għandek tħobb il-ħolqien Tiegħu.”
Hija t-tama u t-talba ferventi tiegħi li aħna lkoll nifhmu l-obbligi tagħna lejn l-aqwa Artist – il-Ħallieq tagħna – u lejn il-proxxmu tagħna, ħalli d-dinja tkun tista’ ssir ġenna ta’ paċi u prosperità. Ammen.