Friendship with Christians

Ħbiberija mal-Insara: Il-Musulmani jistgħu jkunu ħbieb mal-Lhud u l-Insara?

Il-Koran Imqaddes huwa kelma sagra ta’ Alla li ġiet rivelata lill-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih. Il-Koran Imqaddes huwa ktieb sħiħ ta’ gwida u għerf profond. Madankollu, biex nifhmu sew dan it-tagħlim, il-gwida sħiħa u l-messaġġ veru, huwa importanti ħafna li nżommu quddiem għajnejna l-kuntest u t-tagħlim kollu, u ma neħdux xi versi barra mill-kuntest. Għalhekk meta nitkellmu dwar il-versi tal-Koran Imqaddes li jitkellmu dwar il-Lhud u l-Insara, jew dwar in-nies ta’ twemmin ieħor, huwa importanti li nżommu l-kuntest u versi oħra relatati mas-suġġett quddiemna. Inkella, it-tagħlim tiegħu se jinftiehem ħażin u jista’ jwassal għal xi kunċetti żbaljati. Sfortunatament hekk ġara fejn in-nies ma ħadux il-kuntest quddiem għajnejhom u fehmu ħażin it-tagħlim Koraniku. Wieħed minn dawn l-eżempji huwa l-vers li ġej.

Intom li temmnu, la teħdux il-Lhud u l-Insara bħala ħbieb. Huma ħbieb u alleati ta’ xulxin. U min fostkom jeħodhom bħala ħbieb huwa tassew isir wieħed minnhom. Alla tabilħaqq ma jurix it-triq it-tajba lin-nies il-ħżiena. (5:52)

Dan il-vers tal-Koran Imqaddes spiss jiġi kkwotat biex juri li l-Iżlam huwa reliġjon intolleranti u jikkmanda lis-segwaċi tiegħu biex ma jagħmlux ħbieb ma’ Lhud, Insara u nies ta’ twemmin ieħor.

Imma fir-realtà dan mhux il-każ. Il-vers 58 jiċċara r-raġunijiet biex jiġu skuraġġiti ħbiberiji mal-Lhud u l-Insara minħabba l-fatt li kienu fil-kunflitti mal-Musulmani u anke kienu jiċħdu lill-Musulmani talli jżommu mal-fidi tagħhom. Il-Koran Imqaddes jgħid:

Intom li temmnu, la teħdux lil dawk li jieħdu l-fidi tagħkom biċ-ċajt u l-logħob, minn fost il-Lhud u l-Insara, u dawk li ma jemmnux, bi ħbieb u alleati; u dejjem ibżgħu minn Alla, jekk tassew temmnu. (5:58)

Jiġifieri, meta l-Musulmani huma fil-gwerra jew għandhom kunflitti mal-Lhud, mal-Insara jew mas-segwaċi ta’ twemminiet oħra, għandhom dejjem jibqgħu man-nies tagħhom, u m’għandhomx jagħmlu ħbiberija ma’ dawk li qed jiġġieldu kontrihom.

Prekawzjonijiet bħal dawn dejjem jittieħdu għas-sigurtà u l-benesseri tan-nies kull meta jkun hemm xi gwerra jew kunflitt, u d-dinja moderna tal-lum mhijiex eċċezzjoni. Dan huwa dak li hu pprojbit.

Il-Ġenerożità u l-Mogħdrija

Iżda li tittratta lil xi ħadd bil-qalb, b’kompassjoni u simpatija, mhux biss huwa permess iżda huwa imperattiv għall-Musulmani. Il-Koran Imqaddes ikompli jispjega din il-kwistjoni u jgħid:

Alla ma jżommkomx milli turu tjieba u ġustizzja lejn dawk li ma ġġildux kontrikom minħabba r-reliġjon u lanqas keċċewkom minn djarkom. Alla tabilħaqq iħobb lill-ġusti. Alla jżommkom biss milli tissieħbu ma’ dawk li ġġieldu kontrikom minħabba l-fidi, u huma keċċewkom minn djarkom, u għenu lill-għedewwa fit-tkeċċija tagħkom. Allura, min jissieħeb magħhom, dawk ikunu l-ħżiena. (60:9-10)

Din hija s-sbuħija tal-kelma ta’ Alla li tispjega kollox b’mod tal-għaġeb, tipprovdi raġunijiet u loġika ma’ kull kmandament. Il-Koran Imqaddes iżomm lura lill-Musulmani jekk huma fil-gwerra mal-Lhud, l-Insara jew kwalunkwe reliġjon oħra, u għal dak iż-żmien ta’ gwerra biss, mhux iktar. Barra minn hekk, huwa d-dmir tal-Musulmani li jsiru ħbieb u juru mogħdrija, simpatija u qalb tajba lejn il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba u dawk li jżommu mal-paċi, mingħajr ebda eċċezzjoni jew diskriminazzjoni. Aqra Iktar f’ Id-Dawl

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Inter-religious dialogue, Interfaith, Interfaith dialogue, Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.