IT-TAGĦLIM UNIVERSALI U DEJJIEMI
Il-Qdusija Tiegħu, Mirża Masroor Aħmadaba, il-Kap Dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jgħid:
Fiż-żminijiet tal-qedem, il-Profeti ġew f’diversi partijiet tad-dinja biex jiggwidaw il-poplu tagħhom. Imbagħad, skont it-twemmin tagħna, fl-aħħar nett, Alla Omnipotenti bagħat lill-Qaddis Profeta Muħammad (is-sliem u l-barkiet t’Alla fuqu) b’tagħlim universali u dejjiemi ħalli jirriforma spiritwalment u moralment l-umanità kollha.
Aħna l-Musulmani Aħmadin nemmnu li f’din l-epoka, Alla Omnipotenti bagħat lill-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana bħala riformatur ħalli jiggwida lill-umanità u jdawwal mill-ġdid it-tagħlim ġenwin tal-Iżlam li maż-żmien ġie abbandunat u mħassar. Huwa ntbagħat biex juri kemm lill-Musulmani kif ukoll lil dawk li mhumiex li l-Iżlam huwa reliġjon ta’ paċi, rikonċiljazzjoni, fraternità u ħbiberija u li Alla Omnipotenti xtaq li l-umanità tgħix fil-paċi u li n-nies kollha jissodisfaw id-drittijiet tal-Ħallieq tagħhom u tal-proxxmu kollu.
Għal ħafna drabi, il-Messija Mwiegħed (is-sliem fuqu) enfasizza li mhux possibbli li wieħed jissodisfa d-drittijiet t’Alla, mingħajr ma jaqdi d-drittijiet tal-kreazzjoni Tiegħu. Tassew, il-Koran Imqaddes jasal biex jistqarr li t-talb u l-qima ta’ dawk li ma jissodisfawx id-drittijiet tal-ħolqien t’Alla ma jkunux stmati u jiġu mwarrba minn Alla Omnipotenti.
ISSIB REFUĠJU TAĦT ID-DELL TA’ ALLA
Il-Messija Mwiegħed (is-sliem fuqu) sejjaħ lill-umanità biex issib refuġju taħt id-dell ta’ Alla Omnipotenti, ħalli tinħeles minn kull forma ta’ ġlied u periklu. Madanakollu, huwa widdeb li jekk l-umanità tfalli fid-dmirijiet tagħha li tagħraf lill-Ħallieq tagħha, mela se tkun f’riskju kbir. Huwa qal li minkejja l-qawwa, ir-rikkezzi u s-setgħa li għandhom, la l-Ewropa u lanqas l-Amerika ma jkunu siguri mid-distruzzjoni. U lanqas l-Asja, l-Awstralja, il-gżejjer u kull parti oħra tad-dinja.
Fid-dawl ta’ dan kollu, nitlob minn qalbi biex l-umanità tasal biex tagħraf lill-Ħallieq tagħha u toqrob lejH, aktar milli tkompli temmen li din id-dinja materjali bl-attrazzjonjijet u l-kumditajiet tagħha hija l-aqwa forma ta’ eżistenza.