L-Imħabba ta’ Ġurnata!!!
Laiq Ahmed Atif | It-Torċa | Sunday 14 May 2023 | Mother’s Day
Kull sena meta jibda x-xahar ta’ Mejju, tibda d-diskussjoni dwar “Jum l-Omm”, naraw ir-riklami fis-swieq dwar il-bejgħ ta’ rigali għall-omm, u ħafna ħwienet jagħtu ċertu offerti għax-xiri ta’ rigali għall-ommijiet. Meta jasal “Jum l-Omm”, ħafna mit-tfal jagħtu rigal lil ommhom biex jasserixxu l-imħabba tagħhom. Bla dubju ta’ xejn dal-jum huwa importanti ħafna għax ifakkarna dwar l-importanza u d-dinjità tal-mara fis-soċjetà, partikolarment dwar id-dinjità tal-omm.
Jiena dejjem naħseb, din “l-imħabba ta’ ġurnata” hija biżżejjed li tagħmel ġustizzja mal-maestà tal-omm, il-glorja u l-pożizzjoni tagħha? Assolutament le! Nemmen li wara l-imħabba u l-kompassjoni ta’ Alla, l-omm hija l-akbar manifestazzjoni ta’ mħabba bla kundizzjoni, bla difetti, ġenwina, vera, safja u l-aktar pura.
Il-kalamita
L-omm hija pilastru ewlieni tal-familja u tad-dar. Kull ħaġa u kulħadd idur madwarha, u hi tiġbed kollox lejha minħabba n-natura safja u pura tagħha. L-omm hija l-kalamita li għandha tali forza manjetika li kull membru tal-familja huwa attirat lejha. L-omm għandha qalb tad-deheb u hija simbolu tal-imħabba, il-kompassjoni u l-ħniena.
Għalhekk, naħseb li ċ-ċelebrazzjoni ta’ “Jum l-Omm” mhix ċelebrazzjoni għal ġurnata biss imma din iċ-ċelebrazzjoni ġġegħelna naħsbu fid-dettall kif nistgħu nħobbu u ngħożżu lil ommijietna u kif nistgħu nkunu grati lejhom għal dak kollu li jagħmlu għalina. Meta nħarsu lejn ir-reliġjonijiet u s-soċjetajiet ċivili, nindunaw li kull wieħed minnhom ta importanza kbira għar-rispett lejn l-omm.
L-omm fl-Iżlam
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “L-amar tagħna lill-bniedem huwa li juri tjubija mal-ġenituri tiegħu, ommu ġarritu bi tbatija, u wellditu bi tbatija; jinġarr (fi ħdan ommu) u jinfatam fi żmien tletin xahar.” (46:16)
“Ordnajna lill-bniedem dwar il-ġenituri tiegħu — ommu ġġorrha f’dgħufija wara l-oħra, u l-ftim tiegħu jieħu sentejn — ‘Irringrazzja Lili u lill-ġenituri tiegħek’.” (31:15)
Kemm hu importanti li rridu nibqgħu dejjem grati lejn Sidna u l-ġenituri tagħna. Li nkunu verament grati mhux għal ġurnata jew tnejn, anzi, huwa dmir tul ħajjitna li nirrikonoxxu l-barkiet bla għadd ta’ Alla u t-trobbija xierqa u ta’ mogħdrija tal-ġenituri tagħna u dejjem nibqgħu grati u ubbidjenti lejhom.
Dawn il-versi jirreferu għat-tieni l-iktar dmir importanti tal-bniedem, wara d-dmir tiegħu lejn Alla — l-obbligi tiegħu lejn il-bnedmin, li jibdew bl-obbligi tiegħu lejn il-ġenituri. Alla jgħid li l-bniedem irid ikun tajjeb u qalbu tajba mal-ġenituri tiegħu.
Alla jispjega d-dmir tal-bniedem lejn il-ġenituri tiegħu u jagħti wkoll ir-raġuni biex jagħmel dan, jiġifieri, li l-ġenituri jgħaddu minn kull xorta ta’ sagrifiċċju għal uliedhom, partikolarment l-omm, għalhekk hi ġiet tissemma speċifikament f’dan il-vers ta’ hawn fuq.
Ommok, Ommok, Ommok
Li turi l-imħabba vera u l-qalb tajba lejn l-omm ġiet elaborata aktar f’wieħed mid-diskorsi tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih. Darba xi kumpann staqsieh, “Min hi dik il-persuna li l-iktar jixirqilha trattament tajjeb u kumpanija tajba mingħandi?” Il-Profeta Muħammad wieġbu: “Ommok.” Il-kumpann imbagħad staqsieh, “U min warajha?” Il-Profeta wieġeb, “Ommok.” Il-kumpann imbagħad staqsa l-istess mistoqsija għat-tielet darba u li għaliha l-Profeta reġa’ ta l-istess tweġiba, “Ommok.” Meta l-kumpann staqsa l-istess mistoqsija għal darb’oħra, il-Profeta mbagħad qallu, “Missierek u mbagħad qraba oħra fil-qrib.”
Il-ġenna tinsab taħt saqajn l-omm
Barra minn hekk, hemm diskors magħruf ħafna tal-Qaddis Profeta Muħammad li,“Il-ġenna tagħkom tinsab taħt saqajn ommkom.” Jiġifieri li aħna nistgħu niksbu l-ġenna billi naqdu lil ommijietna u nkunu ġentili u ubbidjenti lejhom.
Inċident li juri kif il-Profeta Muħammad, is-sliem għalih, spjega l-importanza li jaqdi lil omm wieħed huwa meta raġel ikkonsulta lill-Profeta dwar il-parteċipazzjoni f’kampanja militari. Il-Profeta staqsa lir-raġel jekk ommu kinitx għadha tgħix. Meta qalulu li kienet ħajja, il-Profeta qal, “Imbagħad oqgħod magħha, għax il-ġenna tinsab taħt saqajha.”
Inċident ieħor simili seħħ meta raġel wasal għand il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, biex jitlob il-permess tiegħu biex imur għall-gwerra kontra l-għadu. Il-Profeta staqsieh jekk ommu kinitx ħajja. Huwa wieġeb fil-pożittiv. Il-Profeta qallu biex jibqa’ ma’ ommu u jaqdiha. Ir-raġel reġa’ staqsa u l-Qaddis Profeta tah l-istess parir. Meta staqsa għat-tielet darba, il-Profeta qallu, “Żomm ma’ saqajha għax hemm tinsab il-ġenna.”
Fid-dawl tar-rakkont imsemmi hawn fuq, wieħed malajr jista’ jikkonkludi li l-omm hija persuna tal-glorja u ta’ pożizzjoni għolja ħafna; u bla dubju ta’ xejn l-ommijiet huma parti importanti u integrali tas-soċjetà li jridu jiġu moqdija u rispettati ħafna.