The Responsibilities of a Muslim Citizen
Source: http://www.illum.com.mt, Sunday 6 December 2015, by Laiq Ahmed Atif
Wara t-taqlib politiku fl-aħħar snin fil-pajjiżi b’maġġoranza Musulmana, hemm ħafna nies li qed jikkritikaw u jistaqsu jekk l-Iżlam joffrix xi gwida lill-Musulmani sabiex jgħixu fil-paċi u jobdu l-liġijiet tal-pajjiż u qatt ma jkissru l-paċi tas-soċjetà.
L-Iżlam bħala reliġjon juri u jfassal triq ’il quddiem li kif il-Musulmani għandhom jgħixu f’pajjiżhom, u jispjega fid-dettal id-doveri tagħhom bħala ċittadini.
L-ewwel u qabel kollox, l-Iżlam jordna lill-Musulmani biex juru l-lealtà sħiħa lejn pajjiżhom u dawk li jgħixu fihom. Prinċipju fundamentali tal-Iżlam hu dak li l-kliem u l-għemil ta’ persuna m’għandhom qatt juru xi forma ta’ ipokrezija jew ivarjaw minn persuna għal oħra. Il-lealtà vera titlob relazzjoni msejsa fuq is-sinċerità u l-integrità.
Skont it-tagħlim tal-Iżlam, id-definizzjoni u t-tifsira vera ta’ lealtà hi t-twettiq bla kundizzjoni tal-wegħdiet u l-konvenzjonijiet f’kull livell u ċirkostanza, irrispettivament mid-diffikultà. Dan hu l-istandard veru ta’ lealtà mitlub mill-Iżlam.
Il-Qaddis Profeta Muħammad innifsu għallem li ‘l-imħabba lejn pajjiżek hi parti mill-fidi.’ Għalhekk, fl-Iżlam il-patrijottiżmu sinċier hu meqjus bħala xi ħaġa neċessarja.
L-Iżlam jgħallem ukoll li l-individwu fl-ebda ċirkostanza m’għandu jieħu l-liġi b’idejh jew jipparteċipa fi skemi jew konspirazzjonijiet kontra pajjiżu. Dan huwa kmand ċar u bla kundizzjoni tal-Iżlam.
Skont it-tagħlim Iżlamiku, Alla s-Setgħani pprojbixxa kull forma ta’ qerq jew ribelljoni, kemm jekk kontra l-pajjiż kif ukoll jekk kontra l-gvern. Dan għaliex ir-ribelljoni jew l-aggressjoni fil-konfront tal-pajjiż hi ta’ theddida għall-paċi u s-sigurtà tal-istess nazzjon.
Dover ieħor ta’ ċittadin Musulman huwa dak li għandu jsellem lil kulħadd bit-tislima: ‘Il-paċi ta’ Alla tkun fuqek’, biex b’hekk iwaqqaf il-pedamenti għal ħbiberija sinċiera.
Musulman huwa wkoll obbligat li jżur lil dawk minn ħbiebu u l-ġirien li jinzertaw morda, biex ifarraġhom u jferraħhom. F’relazzjonijiet soċjali għandhom biex jattendu għall-funeral tal-mejta u jgħinu fid-dfin, u juru l-kondoljanzi tagħhom lill-qraba.
Il-Musulmani m’għandhomx jitfgħu l-iskart fit-toroq jew f’postijiet pubbliċi u dejjem għandhom iżommuhom indaf u ħielsa mill-ingombru jew il-periklu.
Il-Musulmani ma jistgħux jitlewmu f’postijiet pubbliċi, u b’hekk jiddisturbaw il-paċi u s-serenità ta’ oħrajn. Huma wkoll imwissija biex ma jagħmlu xejn li jista’ jniġġes l-ilma użat mill-pubbliku. Ma jistgħux jużaw kliem inġurjuż, jew iwettqu atti li jistgħu joffendu jew idejqu ’l ħaddieħor, bħal joħorġu għarwenin jew azzjonijiet li jiddisturbaw il-paċi pubblika.
Il-Musulmani ma jistgħux ibigħu oġġetti li jagħmlu ħsara lill-oħrajn – pereżempju, ikel li mhux adattat għall-konsum tal-bniedem, jew li jista’ jwassal għall-mard jew xi tip ta’ kundizzjoni, jew affarijiet li jkunu skadew u ma jkunux għadhom tajbin għall-għan li jkunu nħolqu għalih.
Id-dover tal-Musulmani huwa wkoll li jagħmlu paċi meta żewġ gruppi jew individwi jiġġieldu bejniethom. Għandhom jipprietkaw għat-tajjeb u t-tajjeb u ma jippermettux il-ħażin; għandhom jgħinu lil xulxin bit-tjieba u ma jgħinux lil xulxin fil-ħtija u l-aggressjoni.
L-Iżlam jobbliga lil kull raġel biex jaqla’ ħobżu bix-xogħol, u mhux jgħix ħajja ta’ għażż; u għandu jevita li jittallab għall-karità.
Musulman għandu jkun qalbieni iżda mhux tiranniku. M’għandux jgħakkes id-dgħajfa, il-foqra, in-nisa jew it-tfal, jew saħansitra l-annimali.
Musulman għandu jkollu simpatiji kbar u natural ġeneruż, u għandu jqis bħala d-dmir tiegħu li joffri l-għajnuna lil dawk minn ħutu li jkunu anqas ixxurtjati minnu. Għandu jsellef il-flus bla interessi lil dawk fil-bżonn. Il-Qaddis Profeta Muħammad qal:
“Kull min iserraħ lil xi bniedem li jemmen minn xi saram ta’ din id-dinja, Alla jserrħu minn xi saram ta’ Jum il-Qawmien. U min jgħin lil xi ħadd fil-bżonn, Alla jgħinu f’din id-dinja u fl-Oħra. U min jostor xi nuqqas tal-oħrajn, Alla jostru f’din id-dinja u fl-Oħra. Alla jgħin lillqaddej li jgħin lil ħuh.”
“Kull min jemmen f’Alla u f’Jum il-Ħaqq, ma għandux iweġġa’ lil ġaru, u għandu jagħti ġieħ u jkun ġeneruż mal-mistiedna tiegħu, u għandu jgħid biss dak li hu tajjeb, inkella jiskot.”
Għandu dejjem ikun lest biex jagħmel is-sagrifiċċji għall-kawżi nazzjonali u patrijottiċi, u għandu jkun attiv fil-qadi tad-dmirijiet u tar-responsabbiltajiet ċiviċi tiegħu. Dover ieħor ta’ Musulman huwa dak li ma jqigħedx il-ħajja u s-sigurtà tal-oħrajn fil-periklu; u li jsalva l-ħajja ta’ persuna li tkun fil-periklu.
Hekk hu Musulman, skont it-tagħlim Iżlamiku. Hekk għandhom jgħixu biex jaqdu dmirijiethom, ikunu ġenerużi u juru simpatija u ħniena lil xulxin. U għandhom biex jgħixu bil-motto: “Imħabba għal kulħadd mibegħda għal ħadd.”