VERITÀ SĦIĦA
Il-verità hija wieħed mill-akbar valuri u prinċipji fil-ħajja. Persuna li tipprattika dan il-valur fil-ħajja ta’ kuljum tagħha tikseb rispett kbir mis-soċjetà li tgħix fiha. L-Iżlam jagħmel enfasi kbira fuq il-verità u jgħid li wieħed qatt m’għandu jigdeb, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi. Barra minn hekk, jgħid ukoll li wieħed għandu dejjem jgħid il-verità, u mhux biss il-verità, imma l-verità sħiħa u ċara, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes:
“Intom li temmnu! Ibżgħu minn Alla, u għidu l-kelma ġusta u sinċiera. Huwa jberkilkom xogħolkom u jaħfrilkom dnubietkom.” (33:71-72)
Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, il-Messija Mwiegħedas jispjega:
“L-ilsien ġie struwit biex iżomm mal-verità u l-onestà, kif intqal: [għid il-kelma ġusta u sinċiera 33:71]. Jiġifieri, wieħed għandu jlissen dak li huwa assolutament vera, għalkollox sewwa, u nieqes kompletament mill-vanità, mill-frugħa u mill-falzità.” (Ruħani Khażain, vol. 1, p. 209-210)
Għalhekk, huwa prinċipju istruttiv tal-Koran Imqaddes li, meta titkellem, trid tgħid il-verità, titkellem b’intelliġenza u bil-loġika, f’mument u ħin propizju, u toqgħod lura milli tpaċpaċ fil-vojt.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem fuqu, qal:
“Warrab dak kollu li jġagħlek tiddubita u ggranfa ma’ dak li hu nieqes mid-dubju, għaliex il-verità ssabbar, il-falzità tinkwetak.” (Tirmizi)
“Ftehim dwar bejgħ jista’ jitranġa sakemm il-bejjiegħ u x-xerrej jinfirdu. Jekk jgħidu l-verità u juru dak kollu li hu relevanti għat-tranżazzjoni, din timtela bil-benedizzjonijiet għat-tnejn li huma; iżda jekk jigdbu u jaħbu dak li suppost inkixef, ma jkun hemm l-ebda benedizzjoni tat-tranżazzjoni.” (Bukhari u Muslim)
“Il-verità twassal għall-virtù u l-virtù twassal għall-Ġenna. Persuna tippersisti li tibqa’ tgħid il-verità sakemm quddiem Alla tibda tissejjaħ Onesta. Il-gideb iwassal għall-vizzju u l-vizzju jwassal għall-Infern; u persuna tibqa’ tigdeb sakemm quddiem Alla tibda tissejjaħ giddieba.” (Bukhari u Muslim)