Fil-ġranet ta’ ċelebrazzjonijiet u mumenti ta’ ferħ li huma ferm importanti fil-ħajja tal-bniedem, ma rridux ninsew lil dawk ħutna li jgħixu fil-faqar u lil dawk li għaddejjin minn mumenti diffiċli f’ħajjithom, għal kwalunkwe raġuni. Għax m’hemm xejn aħjar milli
taqsam il-mumenti tal-ferħ ma’ dawk li huma inqas ixxurtjati, il-foqra u l-anzjani.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li:
“Fittxu ’l Alla qalb id-dgħajfin tagħkom u uru dħulija magħhom.”
Għalhekk huwa importanti ħafna li niċċelebraw dawn il-festi flimkien u ninkludu lil dawk ħutna li huma foqra fis-soċjetà tagħna li huma ma jaffordjawx dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, u lil dawk l-anzjani li jgħixu waħedhom jew fid-djar tax-xjuħ u mhux mal-familji tagħhom.
Il-ġest tas-solidarjetà jġib ferħ u sodisfazzjon ta’ qalb. Għalhekk mhux biss li nirċievu r-rigali imma nagħmlu l-karità u nuru s-solidarjetà tagħna mal-oħrajn, kif ktibt hawn fuq. Għax:
“Meta tieħu timla jdejk, meta tagħti timla qalbek.”