The Maltese Youth

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ MALTIN

Hija l-liġi tan-natura li skont iż-żerriegħa titwieled u tikber pjanta jew siġra. Għalhekk, jekk niżirgħu ż-żerriegħa ta’ pjanti mxewkin fl-art, mhux se jipproduċu ċirasa jew frawli. Iż-żerriegħa tal-frawli u taċ-ċirasa trid tinżera’ biex tinkiseb frotta tal-frawli u taċ-ċirasa. Bl-istess mod, jekk niżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba u tal-valuri umani u d-diċenza f’uliedna, se jkunu siġar tal-frott mill-aqwa li jmiss il-qalb, u se jkunu ta’ ġid kbir għall-familja, għas-soċjetà u għall-pajjiż kollu.

It-Torċa, 28.04.2024  | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Xi ġimgħat ilu ġie ppreżentat rapport fil-Parlament biex jimmarka l-‘Jum Dinji tal-Ferħ’ u  dan jagħti dettalji ta’ kif iħossuhom iż-żgħażagħ Maltin. Dan huwa rapport dettaljat ħafna, għalhekk, irrid insemmi xi wħud mill-punti ta’ dan ir-rapport.

Dan ir-rapport juri li hemm aspetti partikolari tal-benesseri taż-żgħażagħ u t-tfal li huma problematiċi, fosthom, il-peer pressure, il-bullying fl-iskola, il-ġlied fl-iskola, ix-xewqa li l-età għall-iskola tonqos, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-familja, iż-żoni limitati tal-logħob, in-nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku u ħin eċċessiv għall-iskrin, u l-burdati diffiċli li jgħaddu minnhom l-adolexxenti bniet.

Hemm problema oħra li indunajt biha, li hemm ħafna żgħażagħ u tfal li jużaw lingwaġġ ħażin, kliem mhux xieraq u kliem dagħa, u dan jiġri wkoll meta jkunu qed jilagħbu logħob differenti flimkien.

L-aqwa istitut tal-edukazzjoni u t-taħriġ

L-ewwel, fil-fehma tiegħi u bl-esperjenza tgħallimt li l-ewwel u l-aħjar istitut tal-edukazzjoni u t-taħriġ tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna huma djarna, u l-ewwel għalliema tagħhom huma l-ġenituri. Għalhekk, il-ġenituri għandhom responsabbiltà kbira fuq spallejhom li dejjem imexxu bl-eżempji tajba sabiex it-tfal mill-bidu nett ikollhom eżempji mill-aqwa biex jikkupjaw u jifformaw il-karattru tagħhom skont dawn l-eżempji.

It-tieni, il-ġenituri u anke l-għalliema sa ċertu punt għandhom dejjem jitkellmu fuq l-aspetti pożittivi, il-morali u l-valuri għolja bħall-imħabba, is-simpatija, il-ġentilezza, il-karità, is-solidarjetà, il-ħniena, il-mogħdrija, u r-rispett mat-tfal, sabiex mit-tfulija u ż-żgħożija tagħhom jitgħallmu valuri morali tajba.

L-istejjer morali

It-tielet, dan huwa wkoll mod jew tradizzjoni tajba li nirrakkontaw stejjer morali tajbin li għandhom messaġġ u lezzjoni tajba għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Il-ġenituri għandhom b’mod partikolari jiffokaw fuq dan il-punt u regolarment jitkellmu mat-tfal fuq il-mejda tal-ikel, fil-karozza, matul xi mixja, matul il-vaganzi, eċċ.

Ir-raba’, huwa importanti li dejjem niffokaw fuq it-tajjeb u anke ngħallmu lit-tfal tagħna biex dejjem jagħżlu t-tjubija. Għax meta l-bniedem jiffoka fuq it-tajjeb huwa wkoll se jkollu l-għodda sabiex jitrażżan anke jekk ikollu xi ħaġa negattiva fil-karattru tiegħu. Alla tana direzzjoni tajba fil-Koran Imqaddes (11:115) ta’ kif inwarrbu d-drawwiet ħżiena u kif nistgħu nibdluhom bi drawwiet pożittivi, li, “L-għemejjel tajbin tabilħaqq ibiegħdu lil dawk ħżiena”.

Dan ifisser li jekk persuna tixtieq teħles minn għada ħażina, trid tibda billi tipprattika xi għemil virtuż. B’dan il-mod, hija teħles malajr mid-drawwa ħażina tagħha. Dan il-prinċipju huwa profond ħafna għax jopponi l-ħażin mat-tajjeb.

X’qed tibgħat għall-għada

Il-ħames, għalhekk, il-ġenituri għandhom jinkwetaw dwar il-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħhom. Jekk ma ninkwetawx dwar il-ġejjieni tat-tfal tagħna allura kulħadd se jbati minnu. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes (59:19) li, “Intom li temmnu, ibżgħu minn Alla! Ħalli kull ruħ tħares lejn dak li tibgħat għall-għada. Ibżgħu minn Alla; tassew Alla jaf sewwa b’dak li tagħmlu.”

F’dan il-vers Alla jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn il-futur tagħna kif ukoll lejn il-ġenerazzjoni futura tagħna, jiġifieri t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. U li naraw l-azzjonijiet tagħna għax dawn se jaffettwaw it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Għalhekk huwa importanti li naraw li: Qegħdin inħejju sew il-ġenerazzjoni futura tagħna? Qed nieħdu ħsieb lil uliedna bl-aħjar mod possibbli? Qed nagħtuhom trobbija xierqa?

Il-futur jiddependi mil-lum

Għax il-futur ta’ kull familja, nazzjon jew pajjiż jiddependi mil-lum tagħhom. Jekk it-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum jitrabbew bl-aħjar mod possibbli, bi mħabba, b’aġir tajjeb, filwaqt li jrawmu fihom l-aqwa valuri morali u d-diċenza umana, allura l-futur ta’ tali familja, nazzjon jew pajjiż jinsab f’idejn siguri.

Alla jilliberana għax, fix-xenarju oppost, il-futur se jkun f’sitwazzjoni tal-biża’ u serja ħafna.

Il-frawli jew il-friegħi mxewkin

Hija l-liġi tan-natura li skont iż-żerriegħa titwieled u tikber pjanta jew siġra; u skont iż-żerriegħa tagħti l-frott jew toħroġ il-fjura tagħha. Għax, huwa minnu li, ‘is-siġra tingħaraf mill-frott tagħha’.

Għalhekk, jekk niżirgħu ż-żerriegħa ta’ pjanti mxewkin fl-art, mhux se jipproduċu ċirasa jew frawli. Iż-żerriegħa tal-frawli trid tinżera’ biex tinkiseb frotta tal-frawli, bl-istess mod iż-żerriegħa taċ-ċirasa trid tinżera’ biex tinkiseb frotta taċ-ċirasa.

Bl-istess mod, jekk niżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba, il-valuri morali tajba, il-gratitudni, il-ħniena, ir-rispett u ż-żerriegħa tal-valuri umani u d-diċenza f’uliedna, jien nemmen bis-sħiħ li meta jikbru se jkunu siġar tal-frott mill-aqwa, frott ħelu ħafna, attraenti u li jmiss il-qalb. Huma se jiswew ta’ ġid kbir, mhux ta’ xkiel, għall-familja, għas-soċjetà u għall-pajjiż kollu.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Malta and tagged , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.