The Race for Money

IL-KILBA GĦALL-FLUS

Il-karattru tal-bniedem huwa dak li jgħodd, inkella, anki d-dell huwa ogħla minn bniedem. Għalhekk, m’għandniex inkunu kompletament maħkuma mill-konsumiżmu u l-materjaliżmu, u nwarrbu l-għira u r-regħba għalkollox minn ħajjitna. Ejjew ħa nikkultivaw sentimenti ta’ mħabba, insiru ġenerużi u nieħdu ħsieb il-ħolqien kollu ta’ Alla. Għax dan huwa l-aħjar teżor li l-bniedem jista’ jiġbor għalih innifsu; u b’hekk nistgħu nagħmlu ħajjitna u pajjiżna verament ġenna tal-art.

It-Torċa 05.05.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Inħobb poeżija ta’ poeta li tfisser li l-karattru huwa l-qofol tal-bniedem, inkella, anki d-dell huwa ogħla minn bniedem. Jiġifieri, mhuwiex il-qies, il-ġisem jew id-dehra tal-bniedem li jgħodd, imma, il-karattru.

Il-karattru tal-bniedem huwa l-frott tiegħu, bħalma s-siġar għandhom il-frott tagħhom. Jekk il-frott tas-siġra huwa ħelu, bnin u tajjeb għas-saħħa tal-bniedem, dan se jagħmel is-siġra unika minn siġar oħrajn, u anke se jiswa ħafna f’għajn il-bidwi; u l-bidwi dejjem se jieħu aktar ħsieb tagħha.

Bl-istess mod, jekk il-bniedem għandu l-karattru ħelu u tajjeb, dan se jagħmluh uniku minn ħaddieħor, u anke huwa se jkollu pożizzjoni importanti fis-soċjetà u dejjem se jkun meqjus b’rispett. Il-bniedem mingħajr karattru sod u valuri morali huwa bħal dik is-siġra li hija mingħajr ebda weraq u frott.

Għalhekk, irridu nħabirku għal kull forma ta’ eċċellenza morali, bħall-ġenerożità, is-solidarjetà, il-ġustizzja, il-ħniena, il-benevolenza, il-verità u t-tolleranza. Barra minn hekk, ma nħallux ir-regħba u l-għira joqorbu lejna.

L-agħar vizzju

Imma sfortunatament naraw li, minflok li nikbru fil-karattru u valuri morali tajba, qed naraw li r-regħba u l-għira dejjem qed jiżdiedu fid-dinja li ngħixu fiha. Anke l-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha, Myriam Spiteri Debono, fl-ewwel diskors tagħha tkellmet dwarhom, u qalet:

“Jidhirli, iżda, li, apparti l-mard fiżiku u mentali, qiegħda tinħass b’mod aktar akut marda ġdida illi dan l-aħħar daħlet b’intensità kbira fostna – il-kilba għall-flus. Hija agħar mill-vizzju tad-droga. L-imsejken mirkub mill-vizzju tad-droga, l-akbar dannu jagħmlu lilu nnifsu, min hu mirkub mill-gula għall-flus, id-dannu ma jagħmlux biss lilu nnifsu, imma jagħmlu wkoll lis-soċjetà kollha.”

Il-ġenerożità: il-karattru nazzjonali

Barra minn hekk hi tappellalna li nsiru ġenerużi u mhux insiru ġenerużi biss biex nagħtu xi ħaġa lil dawk li huma fil-bżonn, imma, ‘il-ġenerożità fil-karattru nazzjonali tagħna għandha wkoll timmanifesta ruħha b’mod aktar wiesa’; għandha tkun il-bażi tal-operat ta’ kull wieħed u waħda minna ma’ xulxin u ma’ dawk li ġew jgħixu fostna’.

Huwa minnu li aħna ndaħħlu espożizzjoni ġeneruża fil-karattru u d-dispożizzjoni nazzjonali tagħna, irridu nkunu dejjem lesti li nilqgħu lill-proxxmu, niftħu djarna u qalbna għal kull min  ma jaffordjax jgħix ħajja normali bir-riżorsi tiegħu.

Maħkuma mill-konsumiżmu u l-materjaliżmu

Nemmen li dan huwa messaġġ ġenwin li għandna niffukaw ħafna fuqu. Fil-Koran Imqaddes, Alla jiġbed l-attenzjoni tagħna dwar dan is-suġġett importanti li m’għandniex inkunu kompletament maħkuma mill-konsumiżmu u l-materjaliżmu, anzi, għandna niffukaw għall-ħajja l-oħra; insiru ġenerużi, inħobbu u nieħdu ħsieb il-ħolqien kollu ta’ Alla. Għax dan huwa l-aħjar teżor li l-bniedem jista’ jiġbor għalih innifsu. Alla jgħid:

“Kunu afu li l-ħajja f’din id-dinja ma hijiex għajr logħob, mogħdija ta’ żmien, tiżjin, ftaħir bejnietkom u tkattir tal-ġid u tal-ulied. Din il-ħajja hija bħax-xita li l-veġetazzjoni tinbet minnha u jogħġob lill-bdiewa. Imbagħad tinxef u taraha ssir isfar; imbagħad issir biċċiet tat-tiben miksura… Il-ħajja ta’ din id-dinja ma hijiex għajr tgawdija qarrieqa.” (Il-Koran, 57:21)

Barra minn hekk, Alla jgħid li l-aħjar hu li l-bniedem ma jibqax okkupat fl-affarijiet materjalistiċi biss, iżda għandu jiffoka li jagħmel it-tajjeb. U jibqa’ jiġbor teżor għall-ħajja spiritwali jiġifieri virtujiet u għemejjel tajbin għall-ħajja ta’ wara. “Żgur li d-dar tal-ħajja l-oħra hija aħjar għal dawk li huma ġusti.” (Il-Koran, 6:33)

L-għira u r-regħba

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “La tgħirux għal xulxin! La tgħollux il-prezzijiet! La tobogħdux lil xulxin! Tagħtux daharkom lil xulxin! Tagħmilx l-offerta tiegħek waqt li żewġ naħat għaddejjin jinnegozjaw! Kunu tabilħaqq qaddejja ta’ Alla, billi tkunu tabilħaqq aħwa!”

Darba qal li tliet affarijiet huma l-għeruq tad-dnubiet kollha. Allura oqogħdu attenti minn dawn it-tlieta. Oqogħdu attenti mill-arroganza għax kienet l-arroganza li qanqlet lil Iblis li rrifjuta li jobdi lil Adam (sliem fuqu). Oqogħdu attenti mir-regħba għax kienet ir-regħba li ġiegħlet lil Adam jiekol il-frott tas-siġra projbita. Oqogħdu attenti mill-għira għax l-għira pperswadiet lil wieħed miż-żewġ ulied ta’ Adam biex joqtol lil ħuh.

Nagħmlu pajjiżna ġenna tal-art

Ejjew ħa nsiru ġenerużi ma’ ħutna u nsiru bħala familja waħda – familja umana kbira – u nikkultivaw sentimenti ta’ mħabba, qalb tajba, simpatija, umiltà, karità, ġenerożità u solidarjetà fina nfusna; u nwarrbu l-għira u r-regħba għalkollox minn ħajjitna, sabiex nagħmlu ħajjitna u pajjiżna verament ġenna tal-art.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Charity, Solidarity and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.