Credit/Source: Torca, Sunday 2nd February 2014, by Laiq Ahmed Atif
Illum il-ġurnata ngħixu fi żmien modern mimli invenzjonijiet ġodda, u żmien li jinbidel b’għaġġla straordinarja. L-internet huwa wkoll wieħed minn dawk il-ħafna invenzjonijiet riċenti. L-internet fih innifsu, bħala għodda, huwa meravilja, iżda sfortunatament, xi kultant l-użu tiegħu huwa ħażin.
Nista’ ngħid li l-internet huwa barka kbira minn Alla, għax fil-minjiera ta’ informazzjoni nistgħu nfittxu kull tip ta’ informazzjoni – kotba, riċerka – fost ħafna aktar. L-internet huwa sors ta’ informazzjoni mingħajr limitu, għerf, kuntatt, xogħol u effiċjenza neċessarja għad-dinja mgħaġġla tal-lum il-ġurnata.
Għalkemm l-internet jgħaqqad lid-dinja u jqarribha dejjem aktar lejn villaġġ globali wieħed, qiegħed jiġri wkoll li qegħdin nitbiegħdu minn dawk verament qrib tagħna minħabba li nistrieħu żżejjed fuq in-netwerks soċjali li bil-mod il-mod qegħdin jibdlu lis-soċjetà li kull ma jmur tinsab riesqa lejn dinja li tiddependi għal kollox fuq l-internet u mhux aktar fuq ir-relazzjonijiet umani. L-internet iqarribna lejn niesna li jinsabu ’l bogħod, u għalhekk mument qegħdin il-Kanada, ieħor ninsabu ċ-Ċina, imma jibqa’ l-fatt, li b’din id-distanza megħluba, dawk li l-aktar huma qrib tagħna qegħdin jiġu mwarrba a skapitu ta’ dawk li fir-realtà huma bil-wisq aktar ’il bogħod.
It-tfal u ż-żgħażagħ ma jirrealizzawx x’qed jagħmlu fuq l-internet u ma jafux bil-perikli li jistgħu jaffaċċjaw meta l-internet jintuża b’mod mhux xieraq. Xi drabi ninnutaw li dawn (u kultant anke l-adulti nfushom) ma jafux kif iġibu ruħhom fuq l-internet li qiegħed ikun evidenti l-aktar fuq il-midja soċjali bħal facebok u twitter. Dan, meta aktar minn 39% tal-populazzjoni dinjija tuża l-internet.
Għalhekk, naħseb li hemm bżonn naħsbu ftit dwar dan is-suġġett, u kif nistgħu nużaw dawn il-mezzi b’etika. Dan huwa mportanti ħafna biex nibqgħu konxji tal-effetti ħżiena tad-dinja teknoloġika waqt li dejjem nistinkaw biex inżommu l-valuri tradizzjonali u l-prinċipji sodi tagħna ħajjin u friski, anke meta llum huma mhedda kontinwament mid-dinamiċi soċjali.
Naħseb li hemm tliet fatturi bażiċi u vitali fl-użu tal-internet: l-immaniġġjar tajjeb tal-ħin, it-trażżin fl-imġiba u l-użu tal-internet b’mod sikur u intelliġenti.
Il-ħin huwa mportanti ħafna, għalhekk għandna nkunu konxji biżżejjed dwar dan meta nużaw l-internet, u dan isir iktar prezzjuż għall-istudenti li m’għandhomx jaħlu ħinhom fix-xejn meta jistgħu jiffokaw aktar fuq l-edukazzjoni li taffettwa l-futur tagħhom. Meta ċ-ċetting, il-logħob u l-cartoons isiru parti mir-rutina ta’ wliedna, hemmhekk inkunu missejna problema serjissima li għandha tkun indirizzata minnufih. L-użu tal-internet għandu jkun ħin ta’ divertiment kontrollat u mhux vizzju inkontrollabbli.
It-tieni nett, irridu nrażżnu ċerta mġiba u ma nesponux ħwejjeġ personali u kunfidenzjali, għax b’hekk inkunu qegħdin nagħmlu ħafna ħsara lil min ikun ġie espost u lilna nfusna. Huwa mportanti, per eżempju, li wieħed ma jtellax ritratti jew informazzjoni personali mingħajr ħtieġa fuq l-internet, għax dejjem hemm il-possibbiltà ta’ ħsara b’xi mod jew ieħor fil-futur għax kif ngħidu, min jobżoq fis-sema, jiġi f’wiċċu.
Meta xi ħadd jidħol fuq l-internet jirrealizza li hemm numru kbir ta’ affarijiet li huma ħżiena, speċjalment f’xi vidjows fuq youtube jew midja soċjali oħra, jew meta jitligħu pop-ups minn kull naħa tal-iskrin li jiġbdu l-attenzjoni. Jekk qatt xi darba taqa’ għat-tentazzjoni u tidħol f’xi sit minnhom taf tispiċċa ’l bogħod minn dak li għalih kont qed tuża l-internet.
Dan ifakkarni f’vers mill-Koran Imqaddes fejn ix-Xitan jgħid lil Alla li:
Qal (ix-Xitan): “Issa, meta Int iddikjarajtni mħawwad u mitluf mit-triq is-sewwa, jiena tassew se noqogħdilhom fit-triq is-sewwa Tiegħek. Imbagħad żgur niġihom minn quddiemhom u minn warajhom, minn fuq il-lemin tagħhom u minn fuq ix-xellug tagħhom. U m’Intix se ssib lil ħafna minnhom grati u jiżżuk ħajr.” (Il-Koran 7:17-18)
Dan il-vers juri biċ-ċar li hemm ħafna affarijiet ħżiena madwarna u anke fuq l-internet, imma għandna niffokaw fuq it-tajjeb biex ix-xitan ma jagħmilx ħsara lil ruħna.
Xi suġġerimenti għall-ġenituri
Bħalma nafu li l-internet u l-midja soċjali għandhom ħafna vantaġġi għalina, fl-istess ħin għandna nkunu nafu wkoll li sfortunatament hemm ukoll żvantaġġi kbar li l-ġenituri għandhom ikunu konxji tagħhom meta wliedhom jużaw l-internet. Huwa għalhekk importanti li anke l-ġenituri jkunu jafu jużaw il-kompjuter huma wkoll.
L-ewwel u qabel kollox, naħseb li huwa mportanti tassew li l-ġenituri u l-għalliema jitkellmu mat-tfal u jagħtuhom l-għarfien u l-edukazzjoni meħtieġa għall-użu tal-internet. Dan m’għandux ikun ta’ darba biss, iżda għandu jkun minn żmien għal żmien.
It-tieni, il-kompjuter għandu jitqiegħed f’post aċċessibbli fid-dar u t-tfal ma jitħallewx jużaw il-kompjuter imsakkra f’kamrithom jew f’xi studju ’l bogħod mill-ġenituri jew membri adulti tal-familja. Jekk il-ġenituri jieħdu nota ta’ dal-punt importanti, naħseb li iktar minn 80% tal-użu ħażin tal-kompjuter jista’ jiġi elimminat, u dan ifisser li t-tfal tagħna jkunu protetti mill-ħażen li joffri l-internet.
It-tielet, il-ġenituri għandhom ikunu konxji ta’ x’qed jaraw uliedhom fuq l-internet. Jekk possibbli, il-passwords ma jkunux sigrieta imma magħrufa minnhom biex jidħlu fl-accounts diversi tagħhom u jaraw x’attivitajiet ikunu involuti fihom, u jikkontrollawhom qabel ikun tard wisq għax aħjar uff milli aħħ (prevention is better than cure).
Ir-raba’, il-ġenituri għandhom ifissru biċ-ċar lil uliedhom dwar il-perikli li jistgħu jaffaċċjaw jekk jikxfu ħajjithom b’dak kollu li hu sensittiv u emozzjonali fuq l-internet. Għax kemm-il darba informazzjoni simili ssib ruħha fuq l-internet, dan ifisser li ma tistax treġġagħha lura. Għalhekk, għandek tirrispetta l-privatezza tiegħek u tal-oħrajn b’responsabbiltà.
Fil-qosor, l-internet huwa bżonn tal-lum, imma l-użu ħażin tiegħu jista’ jkun devastanti. Għalhekk, kulħadd għandu jkun konxju ħafna u jieħu kull pass b’għaqal u maturità meta juża l-internet biex jibbenefika minn din l-invenzjoni moderna mill-aqwa. FIND ORGINIONAL POST IN TORCA: image source/: googleimages