Il-lealtà tal-Musulmani lejn il-pajjiż li jgħixu fih

 


 Il-Hadd, 21 ta’ Settembru, 2014, minn LAIQ AHMED ATIF

Lil din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha, 
Ħares, Mulej, kif dejjem Int ħarist:
Ftakar li lilha bil-oħla dawl libbist.
Agħti, kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha,
Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa ’l-ħaddiem:
Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.
 

BDEJT dan l-artiklu bil-versi sbieħ u profondi tal-Innu Malti. Għax, kull pajjiż u nazzjon għandu s-simboli tiegħu li tid-distingwihom minn nazzjonijiet u pajjiżi oħra. L-Innu Malti huwa wieħed mis-simboli ta’ pajjiżna. Il-poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila kiteb dawn il-versi – huma versi qosra, madankollu huma mimlija bil-għerf u bit-talb. L-Innu Malti huwa simbolu ta’ mħabba u ta’ għaqda tagħna.

Kif nafu, matul din is-sena pajjiżna qed jiċċelebra numru ta’ anniversarji importanti u storiċi, fosthom l-10 anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-35 anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien, l-40 anniversarju ta’ Jum ir-Re-pubblika u l-50 anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza. Huwa xieraq li, bħal kull ċittadin ieħor aħna l-membri tal-Komunità Aħmadija Musulmana, inġeddu l-wegħdiet tagħna ta’ lealtà u mħabba lejn dan il-pajjiż.

Aħna nemmnu li dan huwa dmir ta’ kull ċittadin li jkun leali u fidil lejn il-pajjiż li fih jgħix, u li juri mħabba u lealtà sħiħa lejh, mingħajr ebda riżervi. L-ubbidjenza lejn il-liġi u r-rispett lejn l-istituzzjonijiet nazzjonali huwa dmir ewlieni ta’ kull Musulman.

Il-Qaddis Profeta Muħammad (il-paċi tkun miegħu) enfasizza dan ħafna drabi. Hu għallem lill-Musulmani li “l-imħabba lejn pajjiżek hi parti mill-fidi.”

Għalhekk fl-Iżlam il-patrijottiżmu sinċier hu meqjus bħala xi ħaġa neċessarja. Biex verament iħobb lil Alla u lill-Iżlam, il-Musulman irid ukoll iħobb lin-nazzjon tiegħu. Huwa ċar biżżejjed li ma jistax ikun hemm kunflitt ta’ interess bejn l-imħabba li persuna għandha jkollha lejn Alla u l-imħabba tagħha lejn il-pajjiż. Billi l-imħabba lejn il-pajjiż hi parti mill-Iżlam, Musulman tajjeb irid jistinka biex jilħaq l-ogħla livelli ta’ lealtà lejn pajjiżu, għax dan huwa mezz ta’ kif jista’ jilħaq lil Alla u jkun qribu. Għaldaqstant, huwa impossibbli li l-imħabba vera li l-Musulman iħaddan lejn Alla tista’ qatt isservi bħala impediment għalih biex juri mħabba u lealtà vera lejn pajjiżu.

Nemmen li l-lealtà vera lejn il-pajjiż titlob relazzjoni msejsa fuq is-sinċerità u l-integrità. Titlob li dak li persuna turi fuq barra jkun bħal dak li hemm ġewwa. F’termini ta’ nazzjonalità, dawn il-prinċipji huma ta’ importanza assoluta. Għalhekk huwa fundamentali għall-persuna ta’ kull nazzjonalità li tistabbilixxi relazzjoni ta’ lealtà ġenwina lejn in-nazzjon tagħha. Ma tagħmilx differenza tkunx ċittadin imwieled fil-pajjiż jew tiksibx iċ-ċittadinanza, permezz tal-immigrazzjoni jew b’xi mezz ieħor iktar ’il quddiem matul ħajjitha.

Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Kalif u l-mexxej spiritwali tal-Komunità Aħmadija fl-Iżlam spejga l-kelma ‘lealtà’ u qal:

“Skont it-tagħlim tal-Iżlam, id-definizzjoni u t-tifsira vera ta’ lealtà hi t-twettiq bla kundizzjoni tal-wegħdiet u l-konvenzjonijiet f’kull livell u ċirkostanza, irrispettivament mid-diffikultà. Dan hu l-istandard vera ta’ lealtà mitlub mill-Iżlam. F’diversi postijiet fil-Koran Imqaddes Alla ta struzzjonijiet ċari lill-Musulmani biex dawn iħarsu l-wegħdiet u l-pattijiet tagħhom, għax għad jintalbu jagħtu rendikont Lilu ta’ kull attività mwettqa minnhom. Il-Musulmani ntalbu jwettqu l-pattijiet kollha, inkluż dawk bejnhom u bejn Alla s-Setgħani, kif ukoll il-pattijiet kollha li għamlu, skont il-grad ta’ importanza.”

Fl-Iżlam, l-ubbidjenza lejn il-liġi tal-pajjiż hi dmir reliġjuż. Il-Koran Imqaddes jikkmanda lill-Musulmani li jibqgħu fidili mhux biss lejn Alla u l-Qaddis Profeta Muħammad (il-paċi tkun miegħu), iżda wkoll lejn l-awtorità li taħtha jgħixu. Hekk jgħid:

“Intom ilkoll li temmnu! Obdu lil Alla, u obdu lill-Messaġġier Tiegħu u lil dawk li għandhom l-awtorità fuq-kom.” (Il-Koran, Kap.4 : Vers.60)

Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Kalif u l-mexxej spiritwali tal-Komunità Iżlamika Aħmadija spjega dan aktar fid-dettal meta qal li: “Musulman veru qatt ma jista’ jgħolli leħnu b’mibegħda lejn iċ-ċittadini sħabu, għalhekk lanqas lejn l-awtorità jew gvern ta’ dak iż-żmien. Hi r-responsabbiltà ta’ kull Musulman veru li jibqa’ leali u jobdi kompletament il-liġijiet tal-pajjiż li hu sudditu tiegħu.”

Il-Fundatur tal-Komunità Aħmadija Musulmana enfasizza ħafna dan l-aspett, u għallem lill-membri tal-komunità tiegħu biex juru lealtà u ubidjenza vera u sinċiera minn qiegħ ta’ qlubhom lejn pajjiżhom. Hu ħeġġiġhom biex dejjem jitolbu l-ħniena u l-barka ta’ Alla fuq pajjiżhom.

Malta huwa pajjiż sabiħ u mimli bil-grazzja ta’ Alla. Nitlob li dan il-pajjiż dejjem jimxi ’l quddiem u jsir pajjiż ideali fid-dinja. Jalla Alla jbierek lilna; u jalla Alla jbierek ’il-Malta. Amen

READ ORIGINAL POST IN TORCA:      photo: universitylanguageschool.com

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Hazrat Mirza Masroor Ahmad, Holy Prophet Muhammad, Laiq Ahmed Atif, Loyalty, Muslims for Loyalty. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.