Source: IT-TORĊA, il-Ħadd 21 ta’ Dicembru 2014 (Laiq Ahmed Atif)
Illum il-ġurnata l-ħajja saret mgħaġġla ħafna u kulħadd jipparteċipa f’dik il-ġirja biex jirbaħha. Minħabba invenzjonijiet ġodda u disponibiltà faċli ta’ dawk l-affarijiet, żdiedu wkoll ix-xewqat tagħna. Meta tasal xi ħaġa ġdida fis-suq, irridu għandna anke jekk ma jkollniex daqstant bżonnha. Dejjem għaddejjin biex niksbu l-aħjar; din l-attitudni u l-kultura hija meħtieġa aktar fil-ħajja spiritwali u edukattiva, imma jekk niġru wara l-affarijiet materjalistiċi biss, din ikollha żewġ impatti negattivi fuq is-soċjetà u fuq il-bniedem. L-ewwel nett, wara din il-ġirja kollha, il-bniedem qatt ma jkun ferħan u sodisfatt; it-tieni nett, il-faqar qed jiżdied u dawk li ma jaffordjawx dak kollu li jlellex iħossuhom iffrustrtai, iddiżappuntati u inferjuri.
Is-sena l-oħra attendejt għal laqgħa fil-Belt organizzata mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali bil-għan li bħala soċjetà “ningħaqdu kontra l-faqar.” Naħseb li dan huwa importanti ħafna biex ningħaqdu kontra l-faqar u fuq in-naħa l-oħra, importanti iżjed li titqajjem kuxjenza dwar dan is-suġġett kruċjali u diskussjoni dwar kif nistgħu niġġieldu l-faqar.
Huwa importanti li nagħmlu xi sagrifiċċji ekonomiċi, u mhux biss li niġru wara li ngħollu l-istandars tal-ħajja tagħna ekonomikament, għax huwa wkoll id-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li nieħdu ħsieb ta’ dawk li huma inqas ixxurtjati. Irridu nipprovaw nifhmu li huwa impossibbli tbiddel in-nuqqasijiet ekonomiċi mingħajr ma tbaxxi l-livell tal-għajxien u mingħajr ma taqsam ftit mill-miżerja sabiex il-ferħ ikun estiż fost kulħadd.
Dan it-tnaqqis fil-livell tal-għajxien mhuwiex kastig, iżda għandu jkun pjaċir! Dak li qed ngħid jista’ jidher stramb, iżda fil-verità, mhuwiex. Jekk tbaxxi l-livelli tiegħek għal kawża tajba u ġusta, tikseb minflok sens ta’ nobbiltà – sens ta’ nobbiltà mwieled miegħek li hu premju fih innifsu! Ma tistax timmaġina premju ikbar minn dan.
Ma ngħidx li għandna nibdew ngħixu fil-faqar kollha kemm aħna, imma ngħid li dawk li għnadhom ħafna, għandhom ibaxxu ftit il-livelli tagħhom u jgħinu biex jgħollu, sa ċertu punt, il-livelli ta’ dawk li huma foqra sabiex id-distinzjoni bejn is-sinjur u l-fqir tonqos u kulħadd igawdi sens ta’ dinjità ugwali.
Ir-raba’ Kalif tal-Komunità Aħmadija spejga dan is-suġġett u silet eżempji mill-ħajjiet tal-Profeti ta’ Alla biex nifhmu dal-punt sew. Meta naqraw l-istorja tal-Profeti ta’ Alla, naraw is-sens ta’ sagrifiċċji f’kull storja. Għaliex il-profeti wettqu s-sagrifiċċji matul ħajjithom? Għaliex qattgħu ħajjithom fuq din l-art ifittxu t-tajjeb b’detriment għall-kumdità u l-pjaċir? Għax kienu mġienen? Ċertament li le! Matul iż-żmien, bdew iqisuhom bħala l-iktar nies għaqlin tal-era tagħhom.
Xi ġralu Ġesù Kristu? Tul ħajtu, issagrifika kull sekonda – kull mument – tal-pjaċir tiegħu għall-umanità, u sofra taħt dawk li għalihom ġie biex jirriformahom. Ma kienx miġnun – u anqas ma kien mingħajr ego – iżda l-ego tiegħu kien ta’ natura ogħla, ta’ kwalità ferm ifjen minn dawk tal-bqija. Meta bata f’isem it-tjieba, seta’ verament igawdi, għax is-sens ta’ nobbiltà li kiseb minn dan serva bħala premju biżżejjed għall-atti ta’ tjieba u sagrifiċċju li wettaq.
Dan mhux minnu biss fil-każ ta’ Ġesù Kristu; iżda huwa veru fil-każ ta’ kull profeta ieħor ta’ Alla. Huwa veru fil-każ tal-Profeta Muħammad, Mosè, Abraham, u Noè, biex insemmi ftit. Alla sema’ dwar il-Profeta Muħammad fil-Koran li huwa “Ħniena għall-Umanità kollha”. Il-‘ġenn’ tagħhom jista’ jiġi mifhum biss bil-mod illi huma jaraw valuri ogħla minn dawk li għandhom valuri iktar baxxi (għax ifittxu l-pjaċir fil-ħwejjeġ materjali u mhux fil-ferħ marbut mal-pjaċir tas-sagrifiċċju). Kull darba li jitwettaq ftehim li jferraħ il-qalb bħal dan, il-persuna li tagħti, tirċievi iktar ferħ minn dak li tkun irċeviet. Din hi lezzjoni bażika tal-psikoloġija umana li sfortunatament ta’ spiss tintnesa. Ipprova kun tajjeb mal-oħrajn u ssir taf il-pjaċir tas-sagrifiċċju!
F’dawn il-jiem ta’ ċelebrazzjonijiet u mumenti ta’ ferħ li huma ferm importanti fil-ħajja tal-bniedem, ma rridux ninsew lil dawk ħutna li jgħixu fil-faqar u lil dawk li għaddejjin minn mumenti diffiċli f’ħajithom. Għalhekk, ejjew flimkien, mingħajr ebda diskriminazzjoni ta’ kulur, razza, sess, reliġjon u politika, nuru solidarijetà sħiħa lil ħutna. Ejjew nagħtu l-karitajiet u d-donazzjonijiet u nipparteċipaw fl-Istrina tal-President b’qalbna kollha minn quddiem.
Min-naħa tagħna, il-Komunità Aħmadija se nieħdu sehem fl-Istrina 2014, barra minn dan, żorna r-residenza San Vinċenz de Paul, iltqajna mar-residenti u qassamnielhom ir-rigali tal-Festi. Bla dubju ta’ xejn, nista’ ngħid li meta xi ħadd jieħu sehem f’dawn il-kawżi nobbli u ġusti, il-ferħ u s-sodisfazzjoni li jħoss huwa inkredibbli, u ma nistax nispjegahom fi kliem. Għalhekk, jekk irridu li Alla jifraħ magħna, ejjew nirbħu l-qlub tal-poplu ta’ Alla.
Il-Profeta Muħammad qal li: “L-aħjar l-karità hi li tagħti l-karità meta tkun b’saħħtek, meta tkun tibża’ mill-faqar u tkun tixtieq l-għana”; “Min jonfoq xi nefqa għal Alla, jinkitiblu (ħlas ta’) seba’ mitt darba aktar.” U jistieden lill-bnedmin biex, “Fittxu ’l Alla qalb id-dgħajfin tagħkom u uru dħulija magħhom.”