The Leaders of Tomorrow

IL-MEXXEJJA TA’ GĦADA

It-trobbija tajba tat-tfal

It-tfal tal-lum huma l-mexxejja ta’ għada. It-tfal huma l-ġejjieni ta’ nazzjon. Għalhekk, jekk aħna rridu futur aħjar, pajjiż aktar b’saħħtu, u dinja prospera, allura huwa importanti ħafna li nagħtu lit-tfal tagħna trobbija mill-aqwa.

Kull soċjetà u kull reliġjon tagħti importanza kbira lit-trobbija tat-tfal. L-Iżlam bħala reliġjon jitkellem ħafna dwar dan is-suġġett u jgħid li t-tfal għandhom jingħataw trobbija xierqa. L-Iżlam jitkellem dwar dan is-suġġett b’mod uniku u iktar mid-diskors jiffoka fuq l-għemil u l-eżempji prattiċi. Huwa jiggwidana li ‘actions speak louder than words’.

Għalhekk meta nkunu qed nibnu ġenerazzjoni futura għandna biex nimxu mal-kelma u ngħixu ħajja prattika. Sabiex it-tfal tagħna jistgħu jaraw eżempji eċċellenti fi djarhom u sabiex jistgħu jibnu l-karattru tagħhom b’mod ġenwin ibbażat fuq il-valuri ewlenin u fundamentali.

Il-ġenituri huma l-ewwel għalliema tat-tfal, u t-tfal jitgħallmu ħafna mill-ġenituri tagħhom. Kulma jagħmlu l-ġenituri jaffettwa lit-tfal, dak li jieklu, dak li jilbsu, kif jittrattaw lil xulxin, kif jindirizzaw lil xulxin, kif isuqu, kif jimxu fit-triq, jekk ipejpu, jekk jużaw lingwaġġ ħażin, eċċ.

Ħafna drabi naraw li anke t-tfal jadottaw il-professjoni tal-ġenituri tagħhom fil-ħajja prattika tagħhom. ‘Is-siġra tingħaraf mill-frott tagħha’; u bl-Ingliż ngħidu, ‘The apple doesn’t fall far from the tree’. ‘It-tuffieħ ma jaqax ’il bogħod mis-siġra’ hija frażi li tingħad b’rabta mat-tfal li juru kwalitajiet jew talenti li huma simili għal dawk tal-ġenituri tagħhom. Dan il-fatt juri kemm huwa importanti li l-ġenituri għandhom juru valuri morali għoljin.

Għalhekk, l-Iżlam jgħallem li, biex tinkiseb l-aqwa relazzjoni bejnek u bejn uliedek, huwa fundamentali li r-relazzjoni bejnek u bejn il-mara tiegħek għandha tkun eċċellenti. L-imġiba tal-ġenituri għandha twassal biex jinħoloq l-ambjent ideali għal ħajja ta’ familja sana. Ir-relazzjoni bejn ir-raġel u l-mara tiegħu għandha tkun bħal dik ta’ ħbieb vera, sinċiera u leali lejn xulxin; u t-tnejn li huma għandhom iġibu ruħhom b’mod eżemplari fid-dar.

Dan joħroġ ċar minn diskors tal-Qaddis Profeta Muħammad fejn kien qal: “Kull tifel u tifla jitwieldu bin-natura tagħhom safja. Huma l-ġenituri li jagħmluhom atei, jew Lhud jew Insara jew Musulmani skont it-tagħlim speċifiku li jgħaddulhom, u billi jipprovdu mudell partikolari bis-saħħa tal-imġiba tagħhom stess.”

Huwa wkoll importanti li nifhmu kif għandna nrabbu t-tfal tagħna, kif għandna nittrattawhom. Il-Qaddis Profeta Muħammad kien dejjem jgħid li wieħed għandu jittratta bi mħabba, ġenerożità u rispett, mhux biss it-tfal tiegħu stess, iżda l-ġenerazzjoni żagħżugħa kollha. Huwa qal: “Dejjem kunu qalbkom tajba ma’ wliedkom.”

Il-Qaddis Profeta Muħammad kien jenfasizza dwar l-importanza tar-rispett fit-trattament tat-tfal, għax ir-rispett jagħtihom kunfidenza u jżidhom fid-dinjità. Huwa qal: “Irrispettaw liż-żgħar tagħkom u għallmuhom il-manjieri t-tajba.”

Mingħajr dubju ta’ xejn, dan huwa fatt li l-ġenituri għandhom irwol importanti fit-tisħiħ jew fit-tfarrik tal-karattru ta’ wliedhom.

Fl-aħħar, nixtieq nispiċċa dan l-artiklu bit-talba sabiħa ħafna li Alla għallimna fil-Koran Imqaddes (25:75) li hija: “O Mulej tagħna, agħmel li n-nisa tagħna u wliedna jkunu l-għaxqa ta’ għajnejna, u agħmilna mudell xieraq għall-ġusti.” Ammen.

Source/Credit: It-Torca, Sunday, 24 January 2021. By Imam Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, amjmalta@gmail.com

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.