Mary in the Holy Quran

MARIJA FIL-KORAN IMQADDES

Tul l-istorja umana nsibu personaġġi ta’ karattru eċċellenti li kellhom qalb tad-deheb u għexu l-ħajja mimlija purità, pjetà u ġustizzja. Marija, omm Ġesù, kienet waħda minn dawk il-personaġġi qaddisa li sal-lum huma ħajjin fil-qlub u l-memorji tan-nies.

Il-Musulmani għandhom rispett kbir lejn Marija u Ġesù, u jemmnu li kienu eżempju ta’ virtù u mudell eċċellenti għalihom infushom, kif inhu deskritt fil-Koran Imqaddes.

Il-Koran Imqaddes jagħti unur kbir u rispett lejn Marija. Alla ddedikalha kapitlu sħiħ fil-Koran Imqaddes bit-titlu Sura Maryam. ‘Maryam’ huwa l-verżjoni Għarbija tal-isem ‘Marija’. Nixtieq nikkwota żewġ versi mill-Koran Imqaddes li juru l-karattru sabiħ tagħha.

“Ommu (omm Ġesù) kienet mara ġusta u sewwa.” (5:76) “U ftakar meta l-anġli qalu: ‘Marija, Alla tabilħaqq għażlek u saffiek; Huwa għażlek fuq in-nisa kollha taż-żmien.’” (3:43)

Barra minn hekk, il-Koran Imqaddes jeħlisha mill-allegazzjonijiet kollha li saru kontriha. U jgħid li l-allegazzjonijiet kollha kontriha kienu bla bażi (Il-Koran Imqaddes, 4:157). U jgħid li meta l-anġlu ġab il-bxara (l-aħbar tajba) li Alla se jagħtiha iben li jismu Ġesù, hi qalet, “Kif jista’ jkolli iben meta l-ebda raġel ma missni, u bqajt safja?” Huwa wieġeb, “Hekk għandu jkun. Iżda jgħid il-Mulej tiegħek, ‘Dan huwa faċli Għalija; u se nwettqu dan ħalli jkun ta’ Sinjal għall-bnedmin, u ħniena mingħandna, u din hija ħaġa kkmandata’.” (Il-Koran Imqaddes, 19:21-22)

Dawn il-versi juri bis-sħiħ li l-ebda bniedem ma kellu sehem fit-twelid ta’ Ġesù, u dan kien bħala sinjal mingħand Alla.

‘Maryam’ jew Marija huwa isem komuni ħafna qalb il-Musulmani u minħabba l-mogħdrija u sens ta’ ġustizzja tagħha ħafna ġenituri jħobbu jsemmu lill-bniet tagħhom b’dan l-isem; saħansitra l-iskejjel u l-moskej jissemmew ukoll b’dan l-isem ta’ ‘Maryam’. Il-Moskea tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana li nbniet f’Galway, l-Irlanda, ġiet imsejħa ‘Masjid Maryam’ (il-Moskea ta’ Marija). Maryam, jew Marija kif inhi magħrufa, hija meqjuma ħafna mill-Musulmani bħalma hi mill-Insara. 

Fil-fatt, fil-Koran Imqaddes, Alla semma lil Marija f’ħafna okkażjonijiet u enfasizza l-pożizzjoni rispettata tagħha. Il-qdusija tagħha hija msemmija 34 darba, f’kapitli differenti tal-Koran Imqaddes. Marija kien l-isem ta’ dik il-mara safja u twajba li hi tant onorata fl-Iżlam li l-Koran qal li kull min jemmen tassew hu bħal Marija. U kull min jemmen għandu jiżviluppa fil-karattru tiegħu l-kwalitajiet ta’ Marija.  Il-Musulmani huma mitluba li jgħixu ħajjithom kif għexet hi, għax hija mudell għal dawk kollha li jemmnu.

Il-Koran Imqaddes jgħid: “Lil dawk li jemmnu Alla jġib l-eżempju ta’ mart il-Faragħun, meta qalet: ‘Sidi (Alla)! Ibnili għandek dar fil-Ġenna; u eħlisni mill-Faragħun u minn għemilu, u eħlisni min-nies il-ħżiena.’ U l-eżempju ta’ Marija, bint Għimran, li ħarset is-safa ta’ ġisimha, u Aħna nfaħna minn Ruħna fiha, u hija emmnet fi Kliem Sidha u fil-Kotba Tiegħu, u kienet mill-obbidjenti.” (66:12-13)

Dawn il-versi juru biċ-ċar li Alla jrid li l-Musulmani, tabilħaqq kull bniedem, għandhom jimxu fuq il-passi tagħha. Dan minħabba l-fatt li Marija kellha relazzjoni speċjali ħafna ma’ Alla u żammet il-virtù u l-kastità tagħha l-ħin kollu. Hija żviluppat rabta speċjali ta’ mħabba ma’ Alla.

Credit/Source: Il-Leħen, Sunday 24 January 2021, written by Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya: The True Islam, Mary and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.