IL-ĦELSIEN MID-DNUB
Il-fatt huwa li ħadd ma jista’ jikseb il-ħelsien sħiħ mid-dnub, u lanqas ma wieħed jista’ jħobb verament lil Alla jew jibża’ Minnu, bħalma jistħoqqlu li jkun kawża ta’ biża’, sakemm wieħed ma jkunx kiseb għarfien u qawwa vera bl-għajnuna tal-grazzja u l-ħniena ta’ Alla stess. Huwa evidenti li l-għarfien sħiħ huwa l-bażi tal-biża’ u l-imħabba kollha u huwa biss wara li wieħed ikun kiseb l-għarfien u r-rikonoxximent ta’ xi ħaġa li l-imħabba, ix-xewqa, il-biża’ jew l-istmerrija għal dik il-ħaġa partikolari jistgħu jinbtu fil-qalb ta’ dak li jkun. Huwa ċertament veru li wieħed ma jistax jikseb l-għarfien sħiħ mingħajr il-konċessjoni ta’ Alla, u ma jista’ jibbenefika lil ħadd ħlief bil-grazzja ta’ Alla. Dan l-għarfien imbagħad jiftaħ il-bieb għat-tiftix u r-rikonoxximent tal-verità.
Huwa biss b’atti ripetuti tal-grazzja Divina li dan il-bieb jibqa’ miftuħ u ma jerġax jingħalaq. L-għarfien spiritwali, fil-qosor, jista’ jinkiseb biss permezz tal-grazzja Divina, u bis-saħħa tagħha biss li jista’ jibqa’ jeżisti. Il-grazzja Divina ssaffi u tkebbes l-għarfien, tneħħi l-veli li jitfaċċaw u tnaddaf in-Nafs-e-Ammārah [ir-ruħ li titqanqal għall-ħażen] mill-impuritajiet kollha tagħha. Tagħti s-saħħa u l-ħajja lir-ruħ u teħles lill-parti mħassra tagħha mill-ħabs tad-dnub u ssaffiha mill-passjonijiet ħżiena tagħha.
Barra minn hekk, din il-grazzja ssalva lill-persuna minn għadd ta’ passjonijiet karnali, u għamla ta’ trasformazzjoni sseħħ fil-bniedem u tiżviluppa fih stmerrija naturali għad-dnub. Minn hemm, proprju l-ewwel impuls li jinħass mir-ruħ, bis-saħħa tal-grazzja ta’ Alla, jissejjaħ du‘ā (supplika). Taħsbux li aħna diġà nitolbu kuljum, u s-Ṣalāt li noffru huwa wkoll talb; għaliex it-talb li jiġi wara l-għarfien vera u li jitwieled mill-grazzja Divina għandu lewn u sura għalkollox differenti. Dan it-talb huwa ħaġa li tikkonsma, huwa nar li jdub, huwa forza manjetika li tiġbed il-ħniena Divina, huwa mewt iżda li finalment jagħti l-ħajja, huwa għargħar infurjat li iżda jinbidel f’dgħajsa. Permezz tiegħu, kull għelt jissewwa u kull velenu fl-aħħar isir antidotu.
Imberkin il-ħabsin li qatt ma jieqfu jitolbu, il-għaliex jum fost l-oħrajn jistgħu jinħelsu. Imberkin l-għomja li jgħidu t-talb tagħhom b’entużjażmu, il-għaliex jum fost l-oħrajn għad jaraw. Imberkin dawk li jinsabu fl-oqbra li jitolbu ’l Alla għall-għajnuna u għall-assistenza l-għaliex jum fost l-oħrajn għad jinħarġu mill-oqbra tagħhom. Imberkin intom li qatt ma tegħjew titolbu, ruħkom iddub fit-talb, għajnejkom idemmgħu, u nar jitkebbes f’sidirkom li jeħodkom fi mkejjen mudlama u deżerti ħalli tkunu tistgħu ttiegħmu s-solitudni u jressaqkom lejn l-irrekwitezza u qrib il-ġenn, sakemm fl-aħħar tkunu tistgħu tirċievu premjijiet Divini.
L-Alla li qed inressaqkom Lejh huwa Ġentili, Ħanin, Modest, Sinċier u Fidil. Huwa juri l-ħniena Tiegħu ma’ dawk li huma umli. Intom ukoll għandkom tkunu fidili u titolbu bis-sinċerità u d-devozzjoni kollha, ħalli Huwa jkun jista’ juri l-ħniena tiegħu magħkom. Inqatgħu mill-kommozzjoni tad-dinja u tagħtux raġuni reliġjuża għall-argumenti egoistiċi tagħkom. Aċċettaw it-telfa f’isem Alla ħalli tkunu tistgħu ssiru werrieta għal rebħiet kbar. Alla juri l-mirakli lil dawk li jitolbu u dawk li jsaqsu jkunu mberkin bi grazzja straordinarja. It-talb jiġi minn Alla u lejh jerġa’ jmur. Bis-saħħa tat-talb Alla jkun qrib tagħkom daqs ħajjitkom stess.
L-ewwel grazzja tat-talb hija li din iġġib bidla qaddisa f’persuna, u bħala konsegwenza Alla jwettaq ukoll trasformazzjoni fl-attributi Tiegħu. L-attributi tiegħu ġeneralment ma jinbidlux iżda, għal persuna daqshekk trasformata, Huwa jġib ruħu b’mod differenti, li d-dinja mbagħad ma tintebaħx biha. Ikun jidher li Huwa sar Alla ieħor, madanakollu fil-verità ma jkun hemm l-ebda Alla ieħor. Il-verità hi li din tkun manifestazzjoni ġdida Tiegħu li turih f’dawl għalkollox differenti. Huwa f’dak il-mument li Alla, b’rispett lejn din il-bidla speċjali, iwettaq ma’ dik il-persuna trasformata dak li ma jagħmilx ma’ ħaddieħor. Dawn huma dawk li jissejħu mirakli.
(Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, il-Messija Mwiegħed u l-Maħdias, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Ruhani Khazain V. 20, p. 221-223)