The Purpose of Worship

L-GĦAN TAL-QIMA

It-Talb inaddaf l-impuritajiet

Fil-qosor, it-talb huwa l-eliżir li jibdel koċċ trab f’deheb pur. Huwa l-ilma li jnaddaf l-impuritajiet ġewwiena. B’dan it-talb l-ispirtu jdub u jiġri bħall-ilma biex jintefa’ mimdud fuq l-għatba ta’ Dak li hu Qaddis. Jieqaf quddiem il-preżenza ta’ Alla, ibaxxi rasu u jimtedd Quddiemu. Is-Salat (it-Talb) imgħallma mill-Iżlam huma biss riflessjoni tiegħu. Il-waqfien tal-ispirtu jfisser li hu lest biex isofri minn kull sofferenza u li jobdi kull amar f’isem Alla.

Il-prostrazzjoni tal-ispirtu quddiem Alla tfisser li, biċ-ċaħda tal-imħabba u relazzjonijiet oħra, l-ispirtu dar lejn Alla u ta lilu nnifsu Lilu biss. B’din il-prostrazzjoni tal-ispirtu li sseħħ fuq l-għatba ta’ Alla, u li biha huwa jkun abbanduna l-ħsibijiet personali tiegħu, l-ispirtu jitlef l-identità proprja tal-eżistenza tiegħu. Din hija t-talba li tgħin biex tistabbilixxi l-għaqda ma’ Alla, u din hija t-talba li x-Xarija Iżlamika għażlet mit-talb ta’ kuljum tas-Salat ħalli t-talb fiżiku jispira t-talb spiritwali.

Il-ġisem u l-ispirtu

Alla l-Omnipotenti sawwar lill-bniedem b’tali mod li l-ispirtu jinfluwenza l-ġisem u l-ġisem fl-istess ħin jinfluwenza l-ispirtu. Meta l-ispirtu jħossu mdejjaq, l-għajnejn idemmgħu; u meta l-ispirtu jħossu kuntent, il-wiċċ jilma bil-ferħ, u wieħed anki jħoss li jkun irid jidħaq. Bl-istess mod, meta l-ġisem ikun maħkum bl-uġigħ jew bid-dwejjaq, l-ispirtu wkoll iħoss is-sofferenza. Meta żiffa friska tagħti l-ħajja lill-ġisem l-ispirtu jħossha wkoll.

B’hekk, l-għan tal-qima huwa li, bis-saħħa tar-relazzjoni reċiproka bejn il-ġisem u l-ispirtu, l-ispirtu jista’ joqrob lejn Dak li hu Qaddis u jinvolvi ruħu f’waqfien u f’medd spiritwali. Minħabba li l-bniedem irid iħabrek għall-progress, dan it-talb ukoll isir tip ta’ tħabrik. Huwa pjuttost evidenti li meta żewġ affarijiet ikunu marbuta ma’ xulxin u mmissu wieħed minnhom, l-oġġett l-ieħor jiċċaqlaq ukoll. Iżda l-waqfien, il-medd u l-prostrazzjoni b’mod fiżiku fihom infushom m’għandhomx preġju jekk sforz ma jsirx biex l-ispirtu wkoll ikun involut f’dawn il-movimenti ta’ Qiyam, Ruku u Sajdah [pożizzjonijiet differenti waqt it-talb].

Il-ħajja fil-mogħdija ta’ Alla

Dan l-involviment jiddependi mill-għarfien veru li hu wkoll jiddependi mill-grazzja Divina. Minn mindu Alla ħalaq lill-bniedem Huwa għamilha dritt tiegħu li, bis-saħħa tal-grazzja Tiegħu biss, Huwa jbierek bl-Ispirtu Qaddis Tiegħu lil kull min jixtieq Hu. Imbagħad, bis-saħħa tal-Ispirtu Qaddis, huwa jdaħħal l-imħabba Tiegħu f’dik il-persuna, jikkonċedilu l-verità u l-perseveranza, isaħħaħlu l-għarfien tiegħu b’diversi sinjali u jwarrablu d-dgħufijiet tiegħu sakemm ikun prattikament lest biex jerħi ħajtu stess fil-mogħdija Tiegħu. Huwa jistabbilixxi din ir-relazzjoni soda mal-Esseri Etern, ħalli l-ebda traġedja ma teqred u l-ebda xabla ma tferi, għaliex din l-imħabba la hija msejsa fuq motivi temporanji u lanqas assoċjata max-xenqa għall-ġenna jew il-biża’ mill-infern, u lanqas għandha x’taqsam mal-kumditajiet dinjin, u aktar u aktar, mal-għana u r-rikkezzi. Pjuttost din hija relazzjoni li jagħrafha biss Alla.

Żewġ imħabbiet

Dak li jidher aktar stramb huwa li l-ilsir ta’ din l-imħabba ma jkunx jista’ jifhem in-natura vera ta’ din ir-relazzjoni u lanqas jifhem ir-raġunijiet warajha għax din hija relazzjoni bla fini ta’ żmien. Mhijiex ibbażata fuq l-għarfien u l-fehim spiritwali, għax dawk jiġu biss wara biex idawlu r-relazzjoni. Hija bħal nar li jinsab ġewwa ġebla iżda x-xrar jidher biss meta din tinħakk.

Persuna bħal din, minn naħa, ikollha mħabba personali lejn Alla l-Omnipotenti u, minn naħa oħra, ikollha simpatija u xewqa enormi għar-riforma tal-umanità.

Għal din ir-raġuni, mhux biss tgawdi relazzjoni mad-Divin li l-ħin kollu tressaqha lejn Alla, iżda jkollha wkoll relazzjoni mal-umanità li tattira l-erwieħ imħeġġa tagħhom lejha. Hija bħax-Xemx li tiġbed is-saffi tal-art lejha u mbagħad hija stess tinġibed f’direzzjoni oħra.

L-istess jiġri lil dawk in-nies li, f’terminoloġija Iżlamika, jissejħu Nabi (Profeta), Rasul (Messaġġier) u Muħaddas (wieħed li hu mbierek bit-taħdit Divin). Huma mbierkabil-komunikazzjoni u d-diskors qaddis u Divin, iseħħu l-mirakli f’idejhom, ħafna mit-talb tagħhom jinstema’, u Alla l-Omnipotenti ħafna drabi jinfurmahom bl-aċċettazzjoni tat-talb tagħhom.

(Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, il-Messija Mwiegħed u l-Maħdias, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Ruhani Khazain V. 20, p. 223-225)

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Alla, Allah, Allah Almighty, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.