The Devastating Consequences of a Nuclear War

Il-Konsegwenzi Devastanti ta’ Gwerra Nukleari!

Jalla l-Mulej li Jista’ Kollox, Alla tal-ħniena, tal-kompassjoni, tal-imħabba u tal-paċi, isalva lid-dinja u lill-umanità kollha minn kull qerda u devastazzjoni.

Imam Laiq Ahmed Atif | Il-Lehen 27.03.2022 | amjmalta@gmail.com

Dawn l-aħħar ġranet id-dinja kienet ixxukkjata dwar l-attakki Russi fuq l-Ukrajna, u rajna l-kruha tal-gwerra li rriżultat f’ħafna vittmi innoċenti u ħsara infrastrutturali. Ma’ kull jum li jgħaddi, il-gwerra qed tiskala u s-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar.

Jien, li verament inħobb il-Ħallieq u l-ħolqien Tiegħu, personalment inħoss niket kbir u diqa kbira ġo qalbi meta nara dawn l-episodji u l-kruċjati aggressivi u barbari kontra l-umanità.

L-appell minn mexxejja reliġjużi

Il-mexxejja reliġjużi appellaw għat-trażżin u għas-soluzzjoni mhux vjolenti. Il-Papa Franġisku appella lil dawk li għandhom responsabbiltà politika sabiex jeżaminaw il-kuxjenzi tagħhom quddiem Alla, li hu Alla tal-paċi u mhux Alla ta’ gwerra.

Il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana appella wkoll lill-mexxejja u qal li hija l-ħtieġa kritika tas-siegħa li jsir kull sforz possibbli biex tiġi evitata aktar gwerra u vjolenza. Għad hemm żmien għad-dinja biex tieħu passi lura minn xifer ta’ diżastru u għalhekk, f’ġieħ l-umanità, inħeġġeġ lir-Russja, lin-NATO u lill-pajjiżi ewlenin kollha biex jikkonċentraw l-isforzi kollha tagħhom biex itemm il-konflitt u jaħdmu lejn soluzzjoni paċifika permezz tad-diplomazija.

Il-paċi: xewqa ta’ kulħadd

Bla dubju ta’ xejn, kull persuna twajba tixtieq bis-sinċerità kollha li d-dinja timtela bl-imħabba, bl-għożża, u bil-ħbiberija; u kulħadd jixtieq li l-paċi fid-dinja tiġi stabbilita quddiem għajnejna stess. Imma għal din il-ħolma biex isir realtà huwa importanti li nippruvaw nippromwovu l-paċi kull fejn tiġi għalina l-okkażjoni u ma’ kull min niltaqgħu. Nippromwovu l-paċi u s-sliem f’djarna, fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunitajiet u s-soċjetajiet tagħna, mal-ġirien tagħna u mal-pajjiżi ta’ madwarna.

Barra minn hekk, huwa essenzjali li kulħadd għandu jkun konxju li, biex tiġi stabbilita l-paċi fid-dinja, hemm bżonn dejjem akbar, ħafna aktar minn qabel, ta’ valuri morali għoljin ibbażati fuq prinċipji sodi.

Il-fjamma tat-tama mixgħula

Fil-qosor, il-paċi ma tistax tkun tassew stabbilita sakemm kull wieħed u waħda minna jaħdem bis-sħiħ għaliha u għandna nagħtu l-100% tagħna għal din il-kawża nobbli; u nibqgħu naħdmu għall-paċi bl-abbiltajiet kollha tagħna ħalli nżommu l-fjamma żgħira tat-tama mixgħula, sakemm jasal iż-żmien meta l-paċi vera u l-ġustizzja jkunu stabbiliti fiż-żoni kollha tad-dinja.

Is-sejħiet ta’ gwerra nukleari

Sfortunatament, smajna wkoll sejħiet ta’ gwerra nukleari. Imma nafu x’se jkunu l-konsegwenzi ta’ gwerra nukleari? Kemm se tkun devastanti u qerrieda? Kemm ħsara se tagħmel lill-umanità u għall-ġenerazzjonijiet futuri?

Naħseb dawn huma kollha mistoqsijiet validi ħafna u qabel xi ħaġa tingħad bħal din, huwa importanti li nafu u niżnu sew x’qed ngħidu u x’qed infissru b’dan; u jekk id-dinja tista’ ġġorr il-piż ta’ aggressjoni nukleari.

L-armamenti li hawn illum tant huma qerrieda li jistgħu jwasslu għal ġenerazzjoni wara oħra ta’ tfal li jitwieldu b’difetti serji kemm ġenetiċi kif ukoll fiżiċi.

L-effetti orribbli ta’ gwerra nukleari

Sabiex nimmaġinaw il-konsegwenzi ta’ gwerra nukleari nistgħu naqraw jew inżuru l-Ġappun li huwa l-uniku pajjiż li ġarrab il-konsegwenzi orribbli tal-armamenti atomiċi, meta safa attakkat bil-bombi nukleari matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Għaddew mat-tmenin sena, imma anke llum l-effetti koroh ta’ dik il-gwerra huma viżibbli f’dawk l-ibliet tal-Ġappun fejn saru dawn l-attakki. Sal-lum in-nies għandhom biża’ ġo qalbhom u moħħhom, u l-effetti tal-bombi atomiċi għadhom jidhru fit-trabi tat-twelid.

Il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, spjega l-effetti ta’ gwerra nukleari f’wieħed mid-diskorsi tiegħu b’mod tajjeb ħafna li, jekk xi ħadd jintlaqat minn tir, illum hemm il-possibbiltà li dan isalva bis-saħħa tal-kura medika li tingħatalu, iżda jekk tfaqqa’ gwerra nukleari, dawk kollha li jkunu fil-front tal-battalja ma jkollhom l-ebda ċans li jsalvaw. Minflok insibu li n-nies imutu mill-ewwel, jiffriżaw qishom statwi u l-ġilda tagħhom iddub fix-xejn. L-ilma tax-xorb, l-ikel, u l-veġetazzjoni jiġu kollha kkontaminati u affettwati mir-radjazzjoni. Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw kemm tista’ toħloq xorta ta’ mard din il-kontaminazzjoni kollha.

F’dawk il-postijiet li ma jkunux direttament milquta u fejn ikun hemm inqas effetti tar-radjazzjoni, ir-riskju ta’ aktar mard u infezzjonijiet se jiżdied żgur u l-ġenerazzjonijiet futuri xorta se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet akbar.

Barra minn hekk, l-effetti orribbli u qerrieda ta’ taqbid bħal dan ma jkunux limitati biss għall-gwerra u l-konsegwenzi immedjati tagħha, iżda dawn jibqgħu jingħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Allura, jekk l-armamenti nukleari kellhom jerġgħu jintużaw illum, mela huwa possibbli li partijiet minn ċerti pajjiżi jistgħu jisparixxu kompletament minn fuq il-mappa tad-dinja. Jistgħu jieqfu milli jeżistu. Dawn huma l-vera konsegwenzi ta’ ġlied bħal dan.

Jekk nistgħu nreġġgħu lura l-arloġġ

Ejja jekk nistgħu nreġġgħu lura l-arloġġ għal dak iż-żmien u nippruvaw nifhmu l-attakki tal-biża’ li ħallew il-ġisem tal-bnedmin imdewweb u l-bini meqrud; kemm kienu koroh u ta’ biża’ kbira dawk il-mumenti. Sitwazzjoni bħal din hija inkonċepibbli. M’għandniex ninsew ukoll li l-armi nukleari disponibbli dak iż-żmien kienu ferm inqas distruttivi mill-armi nukleari li għandha d-dinja llum.

Ftakar biss, jekk armi inqas qawwija kienu distruttivi sa tali grad, allura x’tip ta’ qerda l-armi nukleari disponibbli bħalissa jistgħu jġibu lid-dinja? Waqt li nikteb dawn il-linji nħoss niket u wġigħ kbir ġo qalbi u huwa difiċli li anke naħsbu dwar ix-xenarju bħal dan, aħseb u ara kemm se jkun diffiċli jekk fil-fatt jiġri dak quddiem għajnejna. Alas! Id-dinja tirranġa l-modi tagħha u l-pajjiżi kollha jingħaqdu għall-paċi u għall-eliminazzjoni tal-armi nukleari mill-wiċċ tad-dinja, darba għal dejjem. Jalla l-Mulej li Jista’ Kollox, Alla tal-ħniena, tal-kompassjoni, tal-imħabba u tal-paċi, isalva lid-dinja u lill-umanità kollha minn kull qerda u devastazzjoni. Ammen. READ THIS ARTICLE IN TURKISH

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya: The True Islam, Islam, Peace, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.