Il-moralità hija possibbli mingħajr Alla?
Laiq Ahmed Atif | It-Torċa | Sunday 18 December | amjmalta@gmail.com
Mistoqsija li ssir f’dawn il-jiem forsi aktar minn qatt qabel minn dawk iż-żgħażagħ li ma kellhomx gwida xierqa u dawk li ma jsegwux ir-reliġjon hija li peress li l-edukazzjoni tad-dinja twassal għal morali tajba u l-etika tiġi mgħallma fl-iskejjel, allura x’inhu l-għan u l-bżonn tar-reliġjon? Jingħad li l-morali tista’ titnissel mingħajr ebda edukazzjoni reliġjuża; fil-fatt jingħad li nies li ma jsegwux ir-reliġjon għandhom morali aħjar minn nies reliġjużi. Barra minn hekk, ħafna atei jgħidu wkoll li m’għandniex bżonn lil Alla biex ngħixu ħajja deċenti u morali.
Imma, fil-verità, ladarba Alla jitneħħa mill-istampa, il-bażi u l-pedament għall-moralità jisparixxu wkoll. Il-boxxla morali ma tibqax teżisti u kull sforz biex tiddefinixxi l-moralità jsir eżerċizzju għalkollox bla sens.
Alla huwa s-sors aħħari
Fl-Iżlam, il-moralità ġejja minn Alla. Alla huwa s-sors aħħari tal-kwalitajiet morali kollha. Nitgħallmu nkunu grazzjużi, għax Alla hu Grazzjuż. Nitgħallmu nkunu ħanina, billi nipprattikaw il-Ħniena ta’ Alla, fiċ-ċirku tagħna u fil-livell tagħna. Nitgħallmu prinċipji morali sbieħ li nsegwu f’ħajjitna minn Alla u t-Tagħlim Tiegħu.
Nemmen li l-moralità tassew, tassew ġejja minn Alla, u l-bnedmin ma jistgħux jivvintawha għalihom infushom. Għax, jekk m’hemmx għalliem, jekk m’hemmx gwida, kif nistgħu niddistingwu dak li hu tajjeb u dak li mhux. Dik il-forza li tagħtina l-fehim biex niddistingwu t-tajjeb mill-ħażin hija t-tagħlim ta’ Alla. U dik il-gwida morali, linji gwida morali, ġejjin mill-Mulej li huwa l-Għalliem ta’ kull morali u etika.
Moralità u Spiritwalità
Skont it-tagħlim Iżlamiku, il-ħajja reliġjuża għandha żewġ partijiet li huma, il-moralità u l-ispiritwalità.
Mill-azzjonijiet tal-bniedem, dawk li għandhom x’jaqsmu mal-bnedmin u huma ta’ karattru umani jissejħu morali. L-istess azzjonijiet, meta huma relatati ma’ Alla, jissejħu spiritwali u jiffurmaw parti mill-ħajja spiritwali tal-bniedem.
Raġel li jigdeb lil irġiel oħra huwa giddieb; jikkommetti l-immoralità tal-gideb. Jekk jigdeb lil Alla, dan ifisser li hu mejjet spiritwalment. Biex il-bniedem ikun ġust u twajjeb, il-bniedem għandu jkollu jieħu ħsieb ta’ dawk it-tnejn, jiġifieri l-moralità u l-ispiritwalità; u għandu jkollu relazzjoni tajba ma’ Alla u mal-bniedem. Għalhekk l-istati morali u spiritwali huma konnessi mill-qrib ma’ xulxin, u ma nistgħux nisseparawhom. Li tħalli xi waħda minn dawn it-tnejn tfisser li nofs il-kwalitajiet nobbli li persuna għandu jkollha, tneħħew mill-karattru ta’ persuna.
Min hu bniedem tajjeb
X’inhi d-definizzjoni tal-bniedem tajjeb? Il-Koran Imqaddes iwieġeb din il-mistoqsija u jgħid li, “għal dak li l-imwieżen tiegħu huma tqal, ikollu ħajja pjaċevoli. Imma għal dak li l-imwieżen tiegħu huma ħfief, l-infern se jkun il-lokalità tiegħu.” (101:7-10)
Jiġifieri, dak li l-għemejjel u l-morali tajba tiegħu huma aktar huwa persuna ta’ morali tajba, u dak li l-għemejjel ħżiena tiegħu huma aktar jissejjaħ bniedem ta’ morali ħażina.
Pereżempju, jekk student iwieġeb disa’ mistoqsijiet b’mod korrett iżda t-tweġiba tiegħu għall-għaxar mistoqsija ma tkunx korretta mhux se jiġi kkastigat għaliha. Bl-istess mod it-tobba wkoll jikkommettu żbalji xi drabi imma jekk ġeneralment il-pazjenti tagħhom ifiqu, huma meqjusa tobba tajbin. Dan ifisser li persuna morali huwa dak li l-kwantità tal-virtujiet tiegħu hija kbira ħafna minn dak tal-vizzji tiegħu. Bl-istess mod, persuna immorali tkun waħda li l-vizzji tagħha jegħlbu l-virtujiet tagħha. Jiġifieri, jekk it-tjubija se tkun ikbar mill-ħażen, din hija moralità tajba tal-bniedem.
Tistaʼ tiġi mgħallma l-Moralità?
Mistoqsija oħra hija li, tista’ tgħallem u titgħallem il-moralità? It-tweġiba hija għaliex le? Il-Koran Imqaddes huwa pjuttost ċar fuq il-punt. Skont il-Koran Imqaddes, il-ħajja morali hija li kapaċi titjieb. Jgħid il-Koran Imqaddes: “Mela kompli tfakkar: żgur li t-tfakkir jagħmel qligħ. Kompli twissi, għax it-twissija dejjem tgħin.” (87:10)
Meta naqraw dwar il-ħajja tal-Messaġġiera ta’ Alla nsibu li kienu dejjem jiggwidaw lin-nies tagħhom dwar il-moralità u l-ispiritwalità, u qatt ma jegħjew jagħtu pariri tajbin lill-poplu tagħhom. Parir tajjeb qatt ma jmur bla premju.
L-ilma jitfi n-nar
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana spjega dan is-suġġett b’mod sabiħ ħafna li l-moralità tista’ tiġi mgħallma, ir-riforma hija possibbli, il-bidla minn attivitajiet immorali lejn il-moralità mhix biss possibbli imma fattibbli. Hu qal:
“Taħsbux, intom midinbin. It-talb tiegħek se jinstema’ jew le? Taħsibx bħal dan. Il-bniedem jiżbalja, imma jasal żmien meta jkun kapaċi jegħleb lilu nnifsu bħala midneb. Din is-setgħa li tegħleb lill-midneb hija mibnija wkoll fin-natura tal-bniedem.
L-ilma jitfi n-nar. Dan huwa parti min-natura tiegħu. Tkun xi tkun il-qawwa tan-nar, meta l-ilma jinżel fuq in-nar irid jitfih. Dan huwa naturali. Hekk hi l-purifikazzjoni parti min-natura tal-bniedem. Kull bniedem għandu din il-propjetà – li hija purifikazzjoni. Taqtax qalbek għax kont involut fid-dnub. Id-dnub huwa bħal tebgħa fuq wiċċ biċċa drapp. Jista’ jinħasel.
Id-drawwiet tiegħek, id-dispożizzjonijiet tiegħek, jistgħu jkunu ddominati dejjem mill-passjonijiet tiegħek. Itlob lil Alla tibki, ibki, Hu ma jħallix it-talb tiegħek jinħela. Huwa mimli mogħdrija.”
Il-messaġġ hu mimli tama. Huwa l-messaġġ tal-Koran Imqaddes. Jidher ċar daqs il-kristall li n-natura umana għandha xi ħaġa inkorporata li meta tintuża taħsel kull dnub u kull immoralità.