FLIMKIEN NIMXU AĦJAR
Laiq Ahmed Atif | It-Torċa | Sunday 23 April 2023 | amjmalta@gmail.com
Koeżistenza paċifika u armonjuża f’dinja globalizzata mhix biss hija importanti iżda hija essenzjali ħafna għall-prosperità u l-benesseri tagħna lkoll.
Huwa fatt li jekk ningħaqdu flimkien u naħdmu id f’id allura nistgħu nagħmlu l-għeġubijiet, flimkien nistgħu nagħmlu affarijiet kbar u s-soċjetajiet tagħna jistgħu verament jimxu ’l quddiem.
Is-sawm fir-reliġjonijiet
Inizjattiva waħda magħquda li kienet ta’ suċċess kbir ittieħdet mill-kunsill lokali tal-Imsida b’kollaborazzjoni mal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Parroċċa tal-Imsida u l-Komunità Marokkina li flimkien organizzaw attività fil-Misraħ San Ġużepp l-Imsida, nhar is-Sibt 25 ta’ Marzu, fuq it-tema “l-kunċett tas-sawm fir-reliġjonijiet”.
Din l-attività kollettiva miftuħa għal kulħadd saret biex wieħed jifhem l-għan u l-kunċett tas-sawm fir-reliġjonijiet differenti, biex naqsmu l-ħsibijiet tagħna ma’ xulxin, biex niċċelebraw is-sawm flimkien u biex inrawmu rispett reċiproku u armonija. Dan l-avveniment uniku kien organizzat b’mod tajjeb ħafna u attendew madwar 250 mistieden minn kull qasam tal-ħajja u reliġjon.
L-avveniment sar fuq skala kbira fi spazju miftuħ; dan kien avveniment uniku fl-istorja ta’ pajjiżna u wera li kien eżempju mill-isbaħ ta’ armonija interreliġjuża u interkulturali u wirja mill-isbaħ ta’ rispett reċiproku, ħbiberija u għaqda.
Żommu mal-ħabel t’Alla
Jien nemmen bis-sħiħ fl-għaqda, għax fl-għaqda hemm is-saħħa, il-paċi u l-prosperità. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes, “U żommu sod, kollha flimkien, mal-ħabel t’Alla u tkunux mifruda.” (3:104)
Huwa importantissimu li flimkien niġbdu ħabel wieħed sabiex nirnexxu u mhux infallu. L-għaqda hija ħaġa kbira u l-għerq ta’ kull suċċess. Dan ma jistax jinkiseb sakemm kull bniedem, kull membru tas-soċjetà, ma jabbandunax l-interessi personali tiegħu u jissagrifika ruħu għas-simpatija u l-interess reċiproku u għall-ġid komuni.
Huwa għalhekk obbligu nazzjonali li nħallu l-affarijiet li jifirdu, u minflok infittxu affarijiet u opportunitajiet li jwasslu għall-għaqda. Għax il-firdiet u l-mibegħda jikkawżaw ħsara personali kif ukoll ħsara kollettiva u nazzjonali.
Rope pulling game
Fil-logħba tal-ġbid tal-ħabel, ta’ spiss osservajna li meta l-ħabel jinġibed f’direzzjonijiet opposti, hemm telf ta’ forza reċiproka. Jekk il-ħabel jinġibed f’direzzjoni waħda, isir ħafna aktar faċli biex tiġbed. Dan jgħallimna nikkultivaw l-għaqda u neħħu l-firdiet mis-soċjetajiet u komunitajiet tagħna, għax fl-għaqda hemm is-saħħa.
Il-President Emeritu l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imsida s-Sinjura Margaret Baldacchino Cefai, il-President tal-Komunità Marokkina s-Sinjura Dounia Borg Lakehal, l-Arċipriet tal-Knisja tal-Imsida Dun Mario Mifsud u jien bħala l-President tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana indirizzajna l-folla waqt dan l-avveniment.
L-għan tas-sawm
Il-kelliema kollha enfasizzaw fuq il-punt li s-sawm ifisser sagrifiċċju f’ġieħ Alla u għall-umanità. Is-sawm huwa eżerċizzju spiritwali, is-sawm jgħallem id-dixxiplina, il-karità, it-twettiq ta’ għemejjel tajba, u l-astensjoni mill-ħażen. Huwa jinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp tal-grazzja, tas-sabar, tal-qlubija, tal-umiltà, tas-sempliċità, u tas-sagrifiċċju.
Dan il-kunċett tas-sagrifiċċju jfakkarna fis-sofferenzi tan-nies li ma għandhomx riżorsi biżżejjed. Dan jinkoraġġina biex nieħdu ħsieb lill-foqra u nagħtu l-ikel lil min għandu l-ġuħ, l-ilma lil min għandu l-għatx, libsa lil dawk li m’għandhomx, nixtru mediċini lill-morda, u nibqgħu fil-kuntatt ma’ xulxin, ma’ kulħadd kemm nistgħu.
Is-sawm għandu sinifikat importanti fl-Iżlam. Il-kelma Ramadan fl-Għarbi tfisser ‘żewġ sħaniet’, jew ‘żewġ imħabbiet’ – l-imħabba ta’ Alla, u l-imħabba tal-umanità. Matul ix-xahar tar-Ramadan il-bniedem jikber f’dawn iż-żewġ imħabbiet. Meta jagħmel sagrifiċċji fiżiċi u jagħmel meditazzjoni spiritwali huwa jifhem iktar xi jfisser li tkun fl-imħabba ma’ Alla u mal-proxxmu. Fil-qosor, is-sawm jgħallimna ħafna lezzjonijiet siewja, importanti u tal-ġid komuni. Għalhekk, huwa ferm importanti li flimkien niġbdu ħabel wieħed u nsiru poplu magħqud fid-diversità. Inħobbu lill-Mulej u l-bnedmin kollha ta’ madwarna. Dejjem nuru eżempji mill-isbaħ ta’ armonija interreliġjuża u interkulturali u ta’ rispett reċiproku, ħbiberija u għaqda, sabiex flimkien nikbru fil-valuri u fil-ġid nazzjonali.