Source: IT-TORCA, 28.07.2013, by Laiq Ahmed Atif
It-terrorizmu jinsab madwar id-dinja kollha u jidher f’forom varji. Meta niddiskutu t-terroriżmu jew l-estremiżmu, insibu żewġ opinjonijiet importanti dwar dan is-suġġett. Hemm nies li jaħsbu li r-reliġjon, minnu nnifsu jikkawża l-vjolenza u l-aggressjoni, u nies oħrajn li jissuġġerixxu li r-reliġjon topponi l-vjolenza. Madankollu n-nies, matul iż-żmien, użaw ir-reliġjon għal skopijiet politiċi u personali. Dawk li jaħsbu li hemm il-vjolenza fir-reliġjon, jgħidu wkoll li r-reliġjon joħloq il-firda fil-bnedmin. Imma, nemmen li reliġjon ma tifridx in-nies, iżda tgħaqqadhom u tistabbilixxi l-imħabba u l-armonija bejniethom.
Nemmen ukoll li kull reliġjon fid-dinja topponi l-vjolenza, u anki l-Iżlam ma jaqbilx mal-idea tal-vjolenza. Sfortunatament, xi drabi nsibu xi Musulmani jew xi gruppi ta’ Musulmani nvoluti f’attakki terroristiċi u suwiċidjali. Minħabba dawn il-ftit Musulmani (li wara kollox ma jipprattikawx it-tagħlim veru tal-Iżlam), u l-azzjonijiet ħżiena li jwettqu, b’xorti ħażina r-reliġjon tal-Iżlam hija miżmuma responsabbli għall-atti tagħhom.
Fl-aħħar ġranet fl-Iraq rajna għexieren ta’ nies jiġu attakkati, u skont il-Ġnus Maqgħuda, f’Ġunju biss inqatlu 761 persuna u iktar minn 1,770 oħra ndarbu serjament. Dawk in-nies li huma nvoluti f’attakki terroristiċi u suwiċidjali qed jużaw l-isem tal-Iżlam, imma l-azzjonijiet tagħhom imorru għal kollox kontra l-Iżlam. Imma, qabel xejn, ejjew naraw x’jgħid l-Iżlam dwar it-terroriżmu u l-estremiżmu.
Skont it-tagħlim Iżlamiku, Musulman veru qatt ma jista’ jagħmel dawk l-affarijiet ħżiena. Dan għax fl-Iżlam m’hemm l-ebda spazju għat-terroriżmu u huwa ma jaqbilx mal-idea tat-tortura jew forza, jew oħrajn simili bħall-fanatiżmu, fundamentaliżmu u l-attakki suwiċidji. L-Iżlam dejjem jitkellem kontrihom.
L-Iżlam huwa r-reliġjon ta’ paċi, imħabba, tolleranza, armonija u ħbiberija. L-Iżlam jopponi t-terroriżmu f’kull forma għax il-kelma ‘Islam’ tfisser litteralment ‘paċi u sliem’. Id-dmir ta’ kull Musulman li jżomm il-paċi għandu tant għeruq fondi fl-Iżlam li l-Koran Imqaddes jiddeskrivi Musulmani veri hekk:
“Il-qaddejja ta’ Alla tal-ħniena huma dawk li jimxu fl-art b’mod dinjituż, u meta l-injoranti jindirizzawhom, huma jgħidu: “Paċi u Sliem.” (Il-Koran 25:64)
It-tagħlim bażiku u fundamentali tal-Iżlam hu li l-Musulman veru huwa persuna li minn ilsienu u idu, kull persuna li tħobb il-paċi għandha tħossha sigura… L-Iżlam jgħallem li dawk biss li jużaw ilsienhom u idhom biex ixerrdu l-inġustizzji u l-mibegħda jixirqilhom il-kastig.
Ir-raba’ Kalif tal-Komunità Aħmadija, Ħażrat Mirża Taħir Aħmad, jispjega kif l-Iżlam iħares lejn it-terroriżmu bl-iktar mod ċar. Hu jgħid:
“L-Iżlam kategorikament jiċħad u jikkundanna kull forma ta’ terroriżmu. Ma tipproteġix u ma tiġġustifikax kwalunkwe att vjolenti, kemm jekk isir minn xi individwu kif ukoll minn xi grupp jew gvern… L-Iżlam huwa t-twemmin u r-reliġjon tiegħi; u l-Iżlam ma jippermetti l-ebda forma ta’ diżordni. Għaldaqstant huwa impossibbli li l-Iżlam jgħallem it-terroriżmu…
“Jien nikkundanna bil-qawwa kollha kull att u kull forma ta’ terroriżmu għax hu t-twemmin tiegħi profond li mhux biss l-Iżlam iżda wkoll l-ebda reliġjon vera, hu x’inhu l-isem tagħha, ma tista’ tapprova l-vjolenza u t-tixrid tad-demm ta’ rġiel, nisa u tfal innoċenti f’isem Alla.
“Alla huwa mħabba, Alla huwa sliem! L-Imħabba qatt ma tnissel il-mibegħda u l-paċi qatt ma twassal għall-gwerra!”
L-Iżlam mhux biss jemmen fl-aktar dritt bażiku u fundamentali tal-bniedem li jgħix, iżda fil-fatt jippromwovi l-qdusija tal-ħajja umana u jagħmel ħafna enfasi fuq il-ħarsien tal-qdusija u d-dinjità tal-ħajja umana. Biex jenfasizza l-kruha tal-qtil ta’ ħajja innoċenti, il-Koran Imqaddes iqabbel dan id-delitt mal-qtil tal-umanità kollha. Il-Koran Imqaddes jgħid:
“Min joqtol bniedem… ikun bħallikieku qatel il-bnedmin kollha. U min isalva l-ħajja (ta’ xi ħadd), ikun bħallikieku salva lill-bnedmin kollha.” (5:33)
Il-qtil tal-persuni innoċenti u l-att ta’ suwiċidju huma żewġ dnubiet serji ħafna fl-Iżlam. Il-Koran jikkundanna s-suwiċidju u huwa dnub li ma jinħafirx fl-Iżlam. Alla jgħid:
“La toqtlux lilkom infuskom! Alla tabilħaqq huwa ħanin magħkom. U min jagħmel hekk b’aggressjoni u b’inġustizzja, se naħarquh fin-Nar.” (4:30-31)
Fl-aħħar diskors, il-Qaddis Profeta Muhammad, paċi tkun miegħu, għal darb’oħra reġa’ enfasizza l-qdusija tal-ħajja umana, u quddiem eluf kbar ta’ nies qal:
“Alla għamel il-ħajja, il-proprjetà u l-unur ta’ kull persuna sagri. Li wieħed jieħu l-ħajja jew il-proprjetà ta’ xi ħadd jew jattakka l-unur tiegħu huwa inġust u ħażin daqs li wieħed jattakka l-qdusija ta’ dan il-jum, dan ix-xahar, dan it-territorju (li huma sagri għall-Musulmani). Dak li qed nikkmandakom illum ma jgħoddx biss għal-lum. Jgħodd għal dejjem. Intom mistennija li tiftakruha din u li tobduha sakemm tħallu din id-dinja u tmorru fl-oħra biex tiltaqgħu mal-ħallieq tagħkom.”