Il-Jum Internazzjonali tat-Tolleranza
Kull sena, madwar id-dinja, is-16 ta’ Novembru jiġi ċċelebrat bħala l-Jum Internazzjonali tat-Tolleranza biex jippromovi l-valuri tat-tolleranza, tal-armonija u tar-rispett; u biex ikattar l-għarfien pubbliku dwar il-perikli tal-intolleranza. Il-ġurnata ntgħażlet mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fl-1996, wara ċ-ċelebrazzjoni tas-sena 1995 bħala s-Sena tat-Tolleranza.
Il-kelma ‘tolleranza’ tfisser ir-rieda li taċċetta jew tittollera, speċjalment opinjonijiet jew imġibiet li inti ma tantx taqbel magħhom, jew li ġġib ruħek sewwa ma’ dawk li huma differenti minnek. Tfisser li turi rispett lejn ir-razza, il-ġeneru, l-opinjoni, ir-reliġjon u l-ideoloġija ta’ individwi jew gruppi oħra, u li tapprezza l-kwalitajiet u l-ħidmiet tajba ta’ oħrajn. U li tispjega fehmietek b’mod diċenti u dinjituż filwaqt li tirrispetta s-sentimenti tal-oħrajn.
Naħseb li ż-żmien jeħtieġ li iktar milli vendetta jew ritaljazzjoni, huwa ferm aħjar li nuru tjubija u sabar u nżommu l-ogħla livelli possibbli tat-tolleranza u tal-armonija.