Courtesy and Good Talk

KELMA TAJBA U ĠUSTA!

Huwa importanti li niżnu sew il-kelma qabel ma ngħiduha; u dejjem ngħidu kelma tajba u ġusta, għax, kelma tajba u ġusta tiżen ħafna fl-iskala.

Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | ITTORĊA 1 ta’ Awissu 2021

Il-bniedem ħafna drabi jgħid jew jagħmel affarijiet li jeħduh qrib il-ħażen u ’l bogħod minn Alla. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li s-suċċess żgur jasal għand dawk li jemmnu, u għand dawk li huma umli fit-talb tagħhom, u għand dawk li jevitaw kull ħaġa ħażina (23:2-4).

Għalhekk, huwa importanti ħafna li aħna dejjem nimxu mal-verità u l-ġustizzja, u nibqgħu sodi fuq it-tjieba u l-pjetà. Huwa wkoll importanti li nibnu relazzjoni tajba mal-oħrajn u biex ikollna konsiderazzjoni u rispett għal xulxin.

Wieħed mill-prinċipji ewlenin li kull ċittadin għandu jipprattika fil-ħajja ta’ kuljum tiegħu huwa li jkollu relazzjonijiet tajbin mal-bnedmin ta’ madwaru. Imma kif nistgħu nibnu relazzjonijiet tajbin mal-oħrajn? Kif nistgħu nibnu l-pontijiet bejn in-nies?

Huwa billi nieħdu ħsieb is-sentimenti ta’ xulxin, u billi nuru attitudni ġenwina u ta’ mħabba u rispett lejn xulxin. Barra minn hekk, sabiex nistabbilixxu relazzjonijiet sodi, għandna  dejjem ngħidu l-verità u kelma tajba; u qatt ma nlissnu kliem li jweġġgħu s-sentimenti ta’ ħaddieħor, u dejjem inżommu lsienna milli ngħidu kliem mhux xieraq. 

It-tjubija u l-pjetà huma obbligatorji fuq il-kuxjenza ta’ persuna, fit-twemmin tagħhom, fl-ilsien tagħhom, u fil-morali. Imma, l-iktar sensittiva minn dawn l-affarijiet tirrigwarda l-ilsien. Ħafna drabi, persuna tabbanduna l-biża’ ta’ Alla u tgħid xi ħaġa li tweġġa’ lil ħaddieħor.

Il-bniedem ġust dejjem iżomm l-umanità kollha fil-konsiderazzjoni tiegħu. Għalhekk, Alla għallem li persuna għandha tikkontrolla lsienha, u tastjeni milli tagħmel kummenti inutli, assurdi, mhux xierqa u bla bżonn. Għax, l-ilsien waħdu huwa biżżejjed biex ibiegħed raġel mit-tjieba.

Huwa bl-ilsien li wieħed jesprimi l-arroganza, u huwa bl-ilsien li wieħed jibda jiżviluppa tendenzi bħal tal-Faragħuni. Jekk il-bniedem ma jikkontrollax l-ilsien tiegħu huwa minnu li żgur jintemm fil-problemi, għax l-ilsien malajr jikkawża ħsara.

Jiena dejjem nikkwota d-diskors tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, fejn qal li: “Jiena niggarantixxi l-ġenna lil dak li jissalvagwardja mill-ħażen l-organi privati tiegħu u l-ilsien.”

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya jispjega dan u jgħid li dan juri li l-ħsara kkawżata mill-ilsien hija perikoluża. Għalhekk, persuna ġusta għandha żżomm kontroll fuq ilsienha. Persuna li tibża’ minn Alla ma tgħid xejn li jmur kontra t-tjieba. Allura, aħkmu fuq ilsienkom, u tħallux ilsienkom jaħkem fuqkom b’tali mod li titkellem bla sens mingħajr l-ebda konsiderazzjoni.

Qabel ma tgħid xi ħaġa, irrifletti fuq il-konsegwenzi li jġib kliemek. Irrifletti dwar jekk Allah l-Eżaltat jippermettilek tgħid xi ħaġa bħal din, u sakemm ma taħsibx fid-dettall fuq dan, titkellimx. Huwa aħjar li ma titkellem xejn milli tgħid xi ħaġa li tikkawża l-ħażen u d-diżordni, u tweġġa’ s-sentimenti ta’ xi ħadd, tikkawża wġigħ lil ħaddieħor, jew tumilja lil ħaddieħor.

Huwa neċessarju wkoll, madankollu, li wieħed jikkonsidra meta u fejn għandu jgħid dak li jrid, u l-mod ta’ kif wieħed jitkellem għandu jkun ġentili, rispettuż u konsiderat sewwa.

Għalhekk huwa prinċipju ewlieni li niżnu sew il-kliem qabel ma nitkellmu, u dejjem ngħidu kelma diċenti, kelma ta’ mħabba, kelma ta’ kompassjoni, kelma ta’ għerf, kelma ta’ għaqal, kelma ta’ maħfra, kelma ta’ rikonċiljazzjoni, kelma ta’ paċi, u kelma tajba u ġusta. Għax, kelma tajba u ġusta tiżen ħafna fl-iskala.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.