FLIMKIEN GĦALL-PAĊI
Imam Laiq Ahmed Atif | Il-Leħen 5 February 2023 | amjmalta@gmail.com
Fid-dinja moderna l-bniedem għamel ħafna avvanz fil-kummerċ, fit-teknoloġija, fil-mezzi tat-trasport u ħafna iktar. Dan l-avvanz wassal ukoll biex id-dinja taffaċċja ħafna sfidi li qed jiżdiedu fosthom kif flimkien nistgħu ngħixu fil-paċi, kif nistgħu nsiru tolleranti u rispettużi lejn xulxin f’dinja li dejjem tinbidel.
Naħseb li kulħadd għandu s-sehem tiegħu fil-koeżistenza paċifika tagħna. Ir-reliġjon hija bla dubju ta’ xejn strument effettiv ħafna biex tiggwida lin-nies biex ikunu rispettużi ma’ xulxin.
Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana, li dejjem temmen fl-armonija, il-libertà reliġjuża, il-koeżistenza paċifika u r-rispett reċiproku, minħabba dan id-dmir nazzjonali tagħha, organizzat il-konvenzjoni annwali dwar it-tema ‘Flimkien għall-paċi’ nhar il-Ħadd 30 ta’ Ottubru 2022.
L-għaqda u fratellanza
Din hija t-tradizzjoni tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana li norganizzaw sessjoni speċifikament fejn nistiednu l-mistidnin mir-reliġjonijiet differenti, bħala sinjal ta’ għaqda, armonija u fratellanza universali.
F’din il-konvenzjoni annwali diversi kelliema taw id-diskorsi tagħhom u enfasizzaw fuq l-importanza u l-benefiċċji tal-paċi. Kulħadd kien jaqbel dwar il-fatt li l-paċi u l-armonija huma l-pedament tal-progress u l-prosperità tagħna.
Mingħajr Alla m’hemmx paċi
Il-qofol tad-diskorsi kollha kien li l-paċi tiġi minn Alla. Jekk m’hemmx Alla, m’hemmx paċi. Il-paċi qatt ma tista’ tinkiseb jekk ma nemmnux f’Alla li jgħaqqadna. Dan jista’ jinkiseb biss meta nifhmu u niżviluppaw ir-realizzazzjoni li hemm Benessri Akbar fuqna li jixtieq il-paċi għan-nazzjonijiet kollha u għall-pajjiżi kollha.
Alla li Jista’ Kollox għarrafna li: Huwa s-Sovran; Hu Pur u jippurifika lill-oħrajn. Huwa sigur mill-impuritajiet kollha u jissalvagwardja lill-oħrajn. Hu s-Sors ta’ Paċi vera u ta’ dejjem għal kulħadd.
Barra minn hekk, fil-Koran Imqaddes tgħallimna li Alla hu, “Mulej tad-Dinjiet kollha”. Dan ifisser li, Huwa l-Mulej tal-Insara, il-Mulej tal-Ħindu, il-Mulej tal-Lhud, il-Mulej tal-Musulmani u tabilħaqq il-Mulej tan-nies kollha. “Mulej tad-Dinjiet kollha” jiġbor fih lil kulħadd u jiftaħ l-akbar toroq u mogħdijiet possibbli għall-paċi u l-armonija.
Triq waħda biss li twassal għall-paċi
Il-Qaddis Profeta Muħammad, il-paċi fuqu, għallimna li hemm triq waħda biss li twassal għall-paċi ta’ dejjem u dik hija t-triq ta’ Alla li Jista’ Kollox. U meta wieħed jemmen bil-qalb fil-Ħallieq kif jista’ jiġi injorat il-ħolqien Tiegħu?
Wieħed mill-kelliema qal li jekk verament irridu l-paċi allura rridu niftakru li, “il-paċi tibda minni, minn kull wieħed u kull waħda minna”. Huwa tajjeb li nixtiequ l-paċi, imma huwa iktar importanti x’qed nagħmlu aħna biex nilħqu dan l-għan. Waħda mill-kelliema enfasizzat l-importanza tal-paċi fi ħdan il-familji u qalet li huwa importanti x’wirt nixtiequ nħallu warajna u xi jfisser dak il-wirt.
Il-paċi bejn ir-reliġjonijiet
F’din il-konvenzjoni annwali Monsinjur Alfred Vella ta d-diskors tiegħu, u enfasizza l-importanza tal-paċi bejn ir-reliġjonijiet kollha u partikolarment il-paċi bejn il-Musulmani u l-Insara u qal li l-paċi hija possibbli. Huwa semma referenzi mill-Koran Imqaddes u l-Bibbja Mqaddsa dwar il-promozzjoni tal-paċi u l-armonija. Huwa qal li din il-laqgħa hija sinjal ċar li nies ta’ kull twemmin jistgħu jingħaqdu u jgħixu flimkien fil-paċi u l-armonija u flimkien nistgħu nibnu soċjetajiet aħjar u armonjużi.
Meta nistudjaw l-istorja umana nsibu li l-gwerer u l-konflitti ma kinux l-għażla tajba imma l-paċi u l-armonija kienu l-aħjar l-għażla għall-benesseri tas-soċjetà. Għalhekk, huwa ferm importanti li d-dinja tal-lum titgħallem din il-lezzjoni u għandha tbiddel id-direzzjoni tagħha lejn aktar paċi u armonija.
Nirrispettaw is-sentimenti reliġjużi
Wieħed mill-prinċipji ewlenin għall-bini ta’ soċjetajiet paċifiċi u armonjużi huwa li nirrispettaw is-sentimenti reliġjużi ta’ xulxin meta ngħixu flimkien f’soċjetà multikulturali u multireliġjuża.
Ir-rispett tas-sentimenti reliġjużi huwa lezzjoni sabiħa għat-twaqqif tal-paċi u l-ħbiberija mgħallma lilna mill-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih.
Darba, matul ħajtu, Musulman u Lhudi kienu involuti f’argument. It-tnejn sostnew is-superjorità relattiva tal-profeti rispettivi tagħhom. Jidher li l-konkorrent Musulman seta’ għamel it-talba tiegħu b’mod li weġġa’ s-sentimenti tal-Lhudi hekk kif resaq lejn il-Qaddis Profeta Muħammad u lmenta kontra l-Musulman. Malli sema’ l-ilment, il-Qaddis Profeta Muhammad, is-sliem għalih, wissa biex ma wieħed ma jkunx insensittiv lejn is-sentimenti ta’ ħaddieħor. U stqarr, “Teżaltawnix aktar minn Mosè.”
Tali kienu l-istandards għoljin ta’ diċenza u korteżija tal-Qaddis Profeta Muħammad, mitluba mis-segwaċi tiegħu anke f’mumenti ta’ dibattitu teoloġiku jaħraq.
Nemmen bis-sħiħ li m’għandniex għażla oħra ħlief li ngħixu flimkien fil-paċi u fl-armonija, u nippromwovu l-fratellanza u l-ħbiberija universali fost in-nies tal-ġnus kollha u ta’ kull twemmin. ‘Flimkien għall-paċi’ huwa messaġġ prezzjuż u siewi li d-dinja trid titgħallem f’dan il-punt kritiku tal-istorja umana.