Respect, Love and Peace

Ir-rispett, l-imħabba u l-paċi

Imam Laiq Ahmed Atif

F’dan iż-żmien meta d-dinja litteralment ċkienet biex saret raħal globali b’mod li qatt ħadd ma kien jimmaġina qabel, għandna nirrealizzaw ir-responsabbiltajiet tagħna bħala bnedmin u għandna nippruvaw nitfgħu l-attenzjoni tagħna biex inxerrdu l-paċi, l-imħabba, u l-ħbiberija fost in-nies. Barra minn hekk, huwa wkoll importanti li nuru r-rispett lejn is-sentimenti reliġjużi ta’ xulxin.

Għax meta xi ħadd iweġġa’ s-sentimenti ta’ xi ħadd billi juża kliem ħażin kontra r-reliġjon tiegħu jew kontra l-personaġġi qaddisa dan iżid it-tensjoni bejn in-nies. X’inhu l-benefiċċju li tweġġa’ s-sensittività tal-oħrajn minbarra li żżid il-mibegħda u l-antipatija?

Għalhekk għandna nifhmu li ma nistgħux niżirgħu ż-żerriegħa tal-paċi mingħajr ma niżirgħu ż-żerriegħa tar-rispett reċiproku bejnietna. Ejjew flimkien nibnu narrattiva reċiproka biex dejjem nuru r-rispett lejn xulxin, lejn ir-reliġjonijiet ta’ xulxin kif ukoll lejn il-personaġġi qaddisa, il-messaġġiera u l-fundaturi tar-reliġjonijiet kollha.

Il-Koran Imqaddes jgħid li Alla bagħat il-profeti biex juri t-triq tas-sewwa tiegħu lil kull ġens, u jistqarr il-verità u l-ġustizzja ta’ kull profeta. Il-Koran Imqaddes jgħid: “U għal kull poplu hemm messaġġier.” (10:48). “M’hemmx poplu (fid-dinja) li għalih ma bgħatniex widdieb jew messaġġier.” (35:25)

Fid-dawl ta’ dawn il-versi mill-Koran Imqaddes, jidher ċar li l-Iżlam kategorikament jiddikjara u jenfasizza li, matul l-istorja umana, f’kull żmien u parti tad-dinja, Alla kien qed jieħu ħsieb tal-ħtiġijiet reliġjużi u spiritwali tal-bniedem billi kien qed jibgħat messaġġiera biex iwasslu l-messaġġ divin lill-poplu li għalih intbagħtu.

Dan is-sens ta’ rispett u unur reċiproku għall-messaġġiera u l-fundaturi tar-reliġjonijiet kollha dinjija jqiegħed is-sisien għall-fraternanza universali, l-armonija, it-tolleranza u l-paċi, li qed tispiċċa malajr mid-dinja.

Aħna, il-Musulmani, nirrispettaw u nqimu lill-profeti u l-messaġġiera kollha (il-paċi ta’ Alla tkun magħhom) u nemmnu li kollha huma l-messaġġiera mibgħuta minn Alla, ma nistgħu ngħidu xejn b’disprezz kontrihom; iżda nsewdu qalbna ħafna meta nisimgħu allegazzjonijiet bla bażi u mhux veri kontra dawn il-personaġġi qaddisa.

Alla li jista’ kollox jibgħat il-messaġġiera Tiegħu lin-nies biex huma jkunu jistgħu juruhom il-mod kif iressqu lin-nies aktar qrib lejn Alla u lejn l-umanità. Meta naqraw it-tagħlim tar-reliġjonijiet kbar tad-dinja nsibu li l-għan ta’ kull reliġjon dejjem kien li jqarreb lill-bniedem lejn Alla u li jistabbilixxi l-valuri umani.

L-ebda fundatur ta’ kwalunkwe twemmin ma għallem lid-dixxipli tiegħu biex iċaħħdu d-drittijiet tal-oħrajn jew li jaġixxu bi krudeltà lejn bnedmin oħra. L-Iżlam jgħallimna biex nirrispettaw il-profeti tar-reliġjonijiet kollha u għalhekk huwa importanti ħafna għall-Musulmani li jemmnu fil-profeti kollha li huma msemmija fil-Bibbja Mqaddsa jew fil-Koran Imqaddes.

Biex tinżamm il-paċi fis-soċjetà huwa neċessarju li wieħed jelimina minn qalbu s-sentimenti kollha ta’ mibegħda u jżid il-gradi ta’ tolleranza. Hemm bżonn li kulħadd jara li l-ebda profeta, ikun min ikun, ma jonqoslu r-rispett u l-qima li jixirqulu. Id-dinja għaddejja minn żminijiet ta’ inċertezza u taqlib kbir, u dan jirrikjedi li aħna noħolqu atmosfera ta’ mħabba u għożża ħalli nkunu nistgħu nneħħu din l-ansjetà u l-biża’, li aħna nwasslu messaġġ ta’ mħabba u sliem lil dawk kollha ta’ madwarna, li aħna nitgħallmu ngħixu f’armonija ferm akbar minn qatt qabel u għalhekk noħolqu ħajja aħjar, u li nagħrfu l-vera valuri tal-umanità.

Hija t-talba tiegħi li aħna kollha nifhmu r-responsabbiltajiet tagħna u nagħtu sehemna biex inxerrdu l-paċi, l-imħabba, il-ħbiberija u r-rispett bejn in-nies kollha u li nsaħħu r-relazzjoni mal-Ħallieq tagħna. Ammen.

Credit/Source: Il-Leħen, Sunday 31 January 2021, written by Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.comphoto: Springsky|Shutterstock

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in #AhmadiyyaMalta, Ahmadiyya: The True Islam, Peace, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.