What should we really be waiting in the queue for?

istock.com/hxdbzxy

Għal xiex għandna verament nistennew fil-kju?

In-Nazzjon, 28.10.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com

Reċentement żagħżugħ deher fl-aħbarijiet wara li qatta’ ħdax-il siegħa matul il-lejl jistenna barra minn ħanut sabiex ikun l-ewwel persuna f’Malta li jixtri l-iPhone 18 il-ġdid.

M’hemm xejn naturalment ħażin li tixtri telefon ġdid. L-ebda reliġjon, inkluż l-Iżlam, ma jipprojbixxi lill-bniedem milli jgawdi l-barkiet ta’ din id-dinja. It-teknoloġija tista’ tkun utli, u m’hemm xejn ħażin li wieħed japprezza l-kwalità jew jixtri xi mudell ġdid tat-telefonija.

Iżda din l-istorja tqajjem mistoqsija aktar importanti li, għal xiex, li huwa ferm aħjar minn iPhone, għandna nistennew fil-kju? X’qed jistenna minna Sidna li nkunu minn ta’ quddiem u l-ewwel fil-kju?

It-tellieqa spiritwali

Alla li Jista’ Kollox ipprovdilna gwida f’kull aspett tal-ħajja, u s-suġġett imsemmi hawn fuq mhuwiex eskluż. “Kulħadd għandu għan li jiddominah. Aħna nistabbilixxu dan l-għan għalikom, mela, ikkompetu ma’ xulxin fit-tjieba u f’għemejjel tajba.” (2:149)

It-tellieqa li tissemma f’dan il-vers hija t-tellieqa spiritwali li għaliha l-fidil veru huwa msejjaħ mill-Mulej tiegħu. Il-kelma Għarbija użata fil-vers hija ‘Khair’, li tfisser għemejjel tajba li jmorru lil hinn mill-interess personali u jkunu marbuta mal-għan divin.

Barra minn hekk, dan il-vers ifisser li dawk li jemmnu għandhom jippruvaw jgħinu lil dawk li huma dgħajfa u jassistuhom biex jiksbu l-virtù. Huma m’għandhomx biss jistinkaw huma stess wara l-virtù, iżda għandhom ukoll jistiednu lil oħrajn biex jilħqu l-istess livell ta’ virtù li huma stess ikunu laħqu.

B’hekk, din it-tellieqa spiritwali ssir tellieqa tassew partikolari, fejn il-kompetituri mhux biss jikkompetu bejniethom, iżda wkoll iħarsu lejn sħabhom u jgħinu lil dawk li jistgħu jitfixklu fit-triq tagħhom jew ikunu mitlufa f’aspetti oħra.

Din it-tellieqa spiritwali tat-tjubija hija ferm aħjar minn kwalunkwe tellieqa tad-dinja, għaliex f’din it-tellieqa l-fidil jistinka b’tali mod li jħeġġeġ ukoll lil ħutu biex jikkompetu, u b’hekk jgħinu lil xulxin f’dan il-vjaġġ spiritwali ta’ ġustizzja, pjetà u tjieba.

Min-naħa l-oħra, fit-tellieqa materjalistika n-nies jippruvaw iwaqqgħu lil oħrajn, u jintużaw tant tattiċi li l-kompetituri tagħhom mhux biss jitilfu, iżda lanqas qatt ma jaslu f’pożizzjoni li jisfidawhom.

Xi jfisser verament li tkun għani?

Din it-tfittxija spiritwali tikxef karatteristika oħra tal-fidil veru, u dik hija “l-għana tal-qalb”. Aħna ngħixu f’soċjetà fejn il-ġid spiss jitkejjel minn perspettiva ta’ kemm xi ħadd jippossjedi affarijiet. Dar akbar, karozza aħjar, ħwejjeġ tad-ditta, vaganzi għaljin u l-aħħar Smartphone jistgħu kollha jsiru simboli ta’ suċċess u għana.

L-Iżlam joffrilna mod differenti kif inħarsu lejn il-ġid. Il-Profeta Muħammad, is-sliem għalih, għallem li, “Il-ġid ma jinsabx fl-abbundanza tal-ġid tad-dinja, iżda l-ġid veru jinsab fil-għana tar-ruħ u tal-qalb.”

Diskors wieħed jesprimi dan b’mod sabiħ: “L-għana jinsab fil-qalb u l-faqar jinsab fil-qalb. Kull min hu għani f’qalbu ma jiġrilux ħsara, jiġri x’jiġri fid-dinja. Kull min hu fqir f’qalbu qatt ma jkun sodisfatt, ikollu kemm ikollu.”

Din hija definizzjoni profonda tal-ġid u l-għana. Persuna jista’ jkollha ftit li xejn materjalment u madankollu jkollha qalb tad-deheb mimlija gratitudni, sagrifiċċju, ġenerożità lejn dawk fil-bżonn, kuntentizza u fidi. Persuna oħra jista’ jkollha ġid materjali enormi filwaqt li kontinwament tħoss li għandha bżonn aktar, u tkun nieqsa minn dispożizzjoni ta’ karità.

Il-problema mhux iPhone, imma l-post li jokkupa f’qalbna

Il-problema, għalhekk, mhijiex it-telefon. Il-mistoqsija hija x’post jokkupa t-telefon, jew kwalunkwe ġid materjali, f’qalbna. Il-kultura moderna tal-konsum kontinwament tgħidilna li l-hena tinsab biss xirja waħda ’l bogħod.

Iżda, il-Koran ifakkarna: “Kunu afu li l-ħajja f’din id-dinja ma hijiex għajr logħob, mogħdija ta’ żmien, tiżjin, ftaħir bejnietkom u tkattir tal-ġid u tal-ulied… Il-ħajja ta’ din id-dinja ma hijiex għajr tgawdija qarrieqa.” (57:21)

Dan il-vers ma jgħidx li s-sbuħija jew il-kumditajiet ta’ din id-dinja huma pprojbiti. Pjuttost, ifakkarna fin-natura temporanja tagħhom. “Dak kollu li jinsab fuq l-art għandu jgħaddi.”

  • It-telefon il-ġdid eventwalment isir telefon antik.
  • Il-karozza l-ġdida eventwalment issir karozza antika.
  • Il-ħwejjeġ tal-moda eventwalment jgħaddu mill-moda.
  • Dak kollu li għandna eventwalment inħalluh warajna.

Iż-Żewġ Ġonna

Iżda dawk li verament jemmnu f’Alla u jistinkaw għat-tjubija se jgħożżu l-barkiet eterni mingħand Sidhom kemm f’din id-dinja kif ukoll fil-ħajja ta’ wara, u se jkollhom “żewġ Ġonna”.

Dawk li jagħtu prijorità lit-tellieqa spiritwali, minflok lit-tellieqa materjalistika, se jiġu ppremjati bil-kbir. U x’premju jista’ jkun aħjar milli li wieħed jiġi ppremjat mis-Sid tiegħu kemm f’din il-ħajja kif ukoll fil-ħajja ta’ wara? Dan huwa verament li għalih għandna verament nistennew fil-kju.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.