Image: Zarai Moez/Shutterstock.com
IL-BIDLA TIBDA MINNA NFUSNA
It-Torċa, 21.06.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Smajna ħafna drabi l-kliem: “Il-bidla tibda minnek innifsek.” Din tidher frażi sempliċi, iżda fiha ħafna għerf u tagħlim importanti. Fil-fatt, hija verità kbira li Alla spjega fil-Koran bħala prinċipju fundamentali tal-ħajja.
Alla jgħid: “Tassew, Alla ma jbiddilx il-kundizzjoni ta’ poplu sakemm huma stess ma jippruvawx ibiddlu lilhom infushom.” (Il-Koran, 13:12)
Dan ma jfissirx li Alla ma jurix ħniena jew grazzja lejn dawk li jagħmlu l-ħażin, għax, naraw li l-affarijiet kollha li Alla ħalaq kulħadd igawdi minnhom, anke dawk li ma jemmnux f’Alla, u anke dawk li huma midinbin. Dan il-vers juri wkoll li meta poplu jgħaddi minn ħafna tbatijiet u diżgrazzji waħda wara l-oħra, li jwassluh għat-telfien u l-qerda, dan ikun sinjal ċar li dak il-poplu jkun waqa’ moralment u spiritwalment.
Kull bidla tibda bl-isforz tal-bniedem
Barra minn hekk, minn dan il-vers nifhmu li kull bidla tibda bl-isforz tal-bniedem. Meta persuna tieħu passi biex ittejjeb lilha nnifisha, Alla jagħtiha l-għajnuna, il-barka u s-suċċess Tiegħu. Meta l-isforz tal-bniedem jingħaqad mal-grazzja ta’ Alla, it-triq għas-suċċess issir aktar faċli.
Min-naħa l-oħra, jekk persuna tgħix mingħajr il-gwida u l-għajnuna ta’ Alla, tista’ tħossha mitlufa fid-dlamijiet tal-ħajja. Il-problemi jidhru akbar u t-triq tidher itwal. Għalhekk huwa importanti li l-bniedem jafda f’Alla waqt li jagħmel l-aħjar sforz tiegħu, u jqis lil Alla bħala l-veru Għajnuna u Sieħeb tiegħu fil-vjaġġ tal-ħajja.
Dan il-prinċipju tal-Koran Imqaddes japplika għal kull qasam tal-ħajja. Kemm jekk wieħed irid jagħmel aktar ġid, jevita d-dnub, jikseb suċċess fid-dinja, jew jersaq eqreb lejn Alla, il-prinċipju jibqa’ l-istess: il-bidla tibda minnek innifsek, u wara tfittex l-għajnuna ta’ Alla.
Eżempji sempliċi mill-ħajja ta’ kuljum
Nistgħu nifhmu dan ukoll permezz ta’ eżempji sempliċi mill-ħajja ta’ kuljum. Jekk persuna tagħmel żball, ma tistax tikkoreġih sakemm ma tirrikonoxxix l-iżball tagħha u tipprova ssewwih. Bl-istess mod, jekk persuna timrad, ma tistax tirkupra sakemm ma tagħrafx il-marda tagħha u tfittex il-kura meħtieġa.
Il-Koran jagħti eżempju sabiħ ħafna: “Dawk li jsejħu minflok (Alla), ma jistgħu jwieġbu xejn. Huma bħal dak li jifrex il-pali ta’ jdejh għall-ilma biex jasal f’fommu, iżda l-ilma ma jilħqux. Is-sejħa ta’ dawk bla twemmin hija biss telf u żball.” (Il-Koran, 13:15)
Dan l-eżempju jurina li x-xewqat waħedhom mhumiex biżżejjed. Huwa meħtieġ ukoll li nieħdu azzjoni. Jekk persuna toqgħod ħdejn xmara iżda ma testendix idejha biex tixrob, ma tippruvax tixrob u ma tagħmilx sforz u tieħu passi neċessariji biex tixrob, l-ilma qatt ma jasal sa ħalqha, u l-ilma abbundanti tax-xmara ma jistax jaqta’ l-għatx tagħha.
Il-vjaġġ faċli u mbierek
Għalhekk, meta persuna b’sinċerità titlob l-għajnuna ta’ Alla, tagħraf ir-responsabbiltajiet tagħha u tagħmel l-aħjar sforz tagħha, Alla jiggwidaha bil-ħniena Tiegħu u jagħtiha l-barkiet u l-grazzji Tiegħu, u jagħmel il-vjaġġ tagħha faċli u mbierek sabiex tista’ tasal sal-destinazzjoni tagħha.
L-ewwel pass tal-bidla dejjem jittieħed mill-bniedem innifsu. Iżda s-suċċess veru ta’ dan il-vjaġġ jiddependi fuq il-gwida, l-għajnuna u l-grazzja ta’ Alla. Dan huwa l-messaġġ dejjiemi tal-Koran u wieħed mill-akbar sigrieti tas-suċċess.
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan is-sigriet tas-suċċess b’mod tajjeb ħafna u jgħid: Nemmen li persuna li tixtieq tiġi salvata mill-isfortuna għandha tersaq qrib Alla fil-moħbi u tbiddel lilha nnifisha tant li tibda tħoss li m’għadhiex l-istess persuna li kienet qabel (din ir-rabta ma’ Alla). Il-fidi hija l-bażi tar-reliġjon vera, u l-fidi f’Alla teħtieġ pjetà vera u devozzjoni sinċiera lejn Alla. Alla qatt ma jabbanduna lil min hu ġust u twajjeb; Hu jgħinhom mis-sema u jibgħat lill-anġli biex jassistuhom.
Meta Alla jsir ħabib ta’ persuna
Jekk persuna tagħmel paċi sħiħa ma’ Alla u tħalli dawk l-għemejjel li ma jogħġbuhx, tista’ tkun ċerta li l-affarijiet tagħha jissolvew b’mod imbierek. Jiena nafda kompletament fl-għajnuna li ġejja mis-sema (jiġifieri minn Alla). Huwa minnu li meta Alla jsir ħabib ta’ persuna, id-dinja kollha u kull oppożizzjoni tagħha ma jistgħux jagħmlulha ħsara. Min jista’ jagħmel ħsara lil min Alla jrid jipproteġi?
Għalhekk, wieħed għandu jkollu fidi f’Alla, u din il-fidi għandha tkun tant qawwija li ma jibqax jafda f’xejn ieħor, iżda f’Alla biss. Il-mezzi u r-riżorsi tad-dinja huma importanti wkoll, iżda anke dawn huma f’idejn Alla. Hu jista’ joħloq il-mezzi kollha li jkun hemm bżonn, għalhekk lanqas fihom m’għandna npoġġu l-fiduċja tagħna b’mod assolut.
Fil-qosor, kull bidla tibda minna nfusna u ħadd ma jista’ jgħinna jekk aħna ma nixtiquhiex. Iżda meta l-bniedem verament jixtieq trasformazzjoni u riformazzjoni lejn it-tjubija, u sinċerament ifittex lill-Mulej u jagħmel minn kollox, Alla l-Ħanin żgur jieħu b’idejn u jiġbed lill-qaddej veru tiegħu Lejh. Meta l-bniedem ikun fil-qrubija u l-kumpanija ta’ Alla, huwa mbierek tassew. X’għandu bżonn iżjed?